Thursday, November 14, 2024

31 persuna Ukrena  gawdew mill-fond umanitarju tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-ewwel ġimgħat mindu faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna bl-invażjoni mir-Russi, diversi Ukreni li bdew jaslu f’pajjiżna bdew isibu ma wiċċhom il-problema tal-kwarantina u l-ħlas marbuta magħha, liema ħlas kien ta’ madwar €1,400. Fi kliem l-Ukreni li bdew jaslu hawn, dak l-ammont kien wieħed għali qisq għalihom. Minħabba dan, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien intervjena u għen permezz ta’ fond umanitarju li kien hemm fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Dan is-sit hu infurmat li b’kollox gawdex minn dan il-fond 31 persuna Ukrena. 

Il-każ kellu l-bidu tiegħu ftit jiem biss wara li bdiet il-gwerra meta għadd ta’ persuni Ukreni fosthom ommijiet b’uliedhom ġew f’pajjiżna. Xi wħud minnhom kienu f’pajjiżna fix-xhur ta’ qabel iżda kellhom imorru lura lejn l-Ukrajna minħabba ċirkostanzi differenti. Fost dawn kien hemm omm li kellha applikazzjoni ta’ protezzjoni miċħuda lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. It-tensjoni mal-fruntiera u eventwalment l-invażjoni mir-Russja wasslet biex għadd ta’ Ukreni fosthom din l-omm jerġgħu jirritornaw lejn Malta. Il-problema li sabu kienet dik marbuta mal-kwarantina u l-ħlas ta’ €1,400 biex jgħaddu l-perjodu ta’ kwarantina f’lukanda.  Il-problema  malajr tqajmet mal-awtoritajiet fosthom il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Hekk kif sar magħruf li hemm Ukreni li jista’ jkollhom problema kbira biex iħallsu dak l-ammont u dan għax fi kliemhom stess, dan l-ammont hu tlett xhur paga fl-Ukrajna, ittieħdet id-deċiżjoni biex dawk l-Ukreni li jiddikjaraw li m’għandhomx flus biex iħallsu l-lukanda għall-kwarantina, dawn jitħallsu minn fond umanitarju li għandu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. 

Waħda mill-Ukreni li sabet din il-problema ma’ wiċċha kienet Iryna, li imbagħad ġiet riżolta peress li hi kien inħarġilha permess biex taħdem f’Malta.

Dan is-sit kien tkellem mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Christopher Cutajar dwar il-problema tal-ħlas tal-kwarantina minn persuni Ukreni. Hu qalilna li “dawk l-Ukreni li ġew f’Malta wara l-24  ta’ Frar u li ntalbu jagħmlu kwarantina f’waħda miż-żewġ lukandi li qed jintużaw għal dan l-iskop, ittieħdet deċiżjoni  li jekk jiddikjaraw li m’għandhomx flus se jsir kordinament bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Dan biex il-flus ta’ kemm tiswa il-kwarantina f’lukanda għal dawn l-Ukreni, jitħallsu minn  fond umanitarju li għandu l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin”. 

Ekonomija

Sport