Wednesday, March 27, 2024

Tfal mhux akkumpanjati li qasmu l-Mediterran żdiedu b’114 fil-mija

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hu fatt li matul is-sena li għaddiet,  fil-vjaġġi migratorji u fis-salvataġġi li kienu qed isiru fiċ-ċentru tal-Mediterran, b’mod kontinwu kienu qed ikun hemm tfal mhux akkumpanjati, jiġifieri tfal li jkunu qed jivvjaġġaw waħidhom. Kellna wkoll traġedji ta’ tfal li spiċċaw għerqu.  Il-mistoqsija li kienet qed issir minn attivisti umanitarji li jsalvaw l-immigranti kienet dik ta’ kemm hi din iż-żieda ta’ tfal li qed jivvjaġġaw waħidhom. Ix-xejra ta’ żieda u żieda qawwija kienet hemm. Dwar dan ingħata dawl proprju fl-aħħar sigħat minn studju dettaljat li sar mill-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR). F’dan l-istudju ħareġ biċ-ċar li tfal li kienu qed jivvjaġġaw waħidhom fuq dgħajjes mill-Afrika ta’ Fuq lejn l-Ewropea żdied b’xejn inqas minn 114 fil-mija. Fis-sena 2021 fl-Italja daħlu 13,203 tfal, li minnhom 10,053 kienu tfal mhux akkumpanjati.  Waqt li t-tfal mhux akkumpanjati żdiedu b’114 fil-mija fuq is-sena 2020, it-tfal kollha li vvjaġġaw, jiġifieri kemm akkumpanjati kif ukoll dawk m’humiex kelLhom żieda ta’ 111 fil-mija. 

Minn dan ir-rapport jirriżulta li t-tluq ta’ immigranti mil-Libja lejn l-Italja żdiedu b’xejn inqas minn 150 fil-mija fis-sena 2021. Dan ifisser li matul is-sena 2021 fl-Italja waslu 67,799 persuna, meta is-sena ta’ qabel l-ammont kien ta’ 27,120 persuna. 

Jirriżulta ukoll mill-istess rapport li kien hemm żieda qawwija fl-ammont ta’ immigranti li kienu interċettati f’nofs ta’ baħar mil-Libjani. Filfatt matul is-sena 2020 kienu ġew interċettati 11,646 immigrant jew 43 fil-mija tat-tluq, waqt li fis-sena 2021 ġew interċettati 32,425 persuna jew 47 fil-mija ta’ dawk li kienu telqu mix-xtut Libjani. 

Ir-rapport tal-UNHCR jgħid b’mod ċar ħafna li l-aċċess għal dawk interċettati jew salvati u li ttieħdu lura lejn il-Libja ma kienx wieħed faċli fis-sena 2021 u kien aktar diffiċli mis-sena 2020. 

Jenfasizza li l-UNHCR u l-imsieħba tagħha mhux dejjem kienu infurmati fil-ħin dwar it-teħid lura tal-immigranti lejn il-Libja u meta tniżżlu l-art. Xi drabi lanqas ingħataw aċċess għal postijiet ta’ fejn ikunu qed jitniżżlu l-istess immigranti. 

F’postijiet fejn tniżżlu l-immigranti u li l-UNHCR kellha aċċess, l-istess rappreżentanti tal-UNHCR raw  tibdil fil-mod ta kif isir l-inżul tal-immigranti mid-dgħajjes salvati fl-art Libjana.  Intqal b’mod qar li l-immigranti bdew jitniżżlu b’mod mgħaġġel ħafna u jittieħdu lejn ċentri ta’ detenzjoni jew postijiet oħra mhux speċifikati.  Irrimarkaw li dawn huma postijiet  bi proviżjoni ta’ assistenza ta’ emerġenza li hi limitata fosthom fuq assistenza medika.

Jissemma’ kif il-Gvern ta’ Unità fil-Libja waqqaf entità b-isem ta’ Security and Stabilization Apparatus (SSA) u din bdiet tkun involuta fl-interċettazzjonijiet fil-baħar. Dan flimkien mal-Qawwa Navali Libjana u l-Gwardji tal-Kosta Libjani.   L-UNHCR qalet li dawk li tniżżlu l-art intbagħtu f’ċentri ta’ detenzjoni jew f’postijiet ta’ detenzjoni informali, li huma mmexxija minn persuni involuti fit-traffiku uman.  Tgħid li eluf oħrajn ma jafux x’ġara minnhom.

Żdiedu l-vjaġġi mit-Tuneżija

Ir-rapport isemmi kif it-tluq ta’ immigranti mit-Tuneżija żdied b’61 fil-mija biex minn 22,900  persuna fis-sena 2020 telgħu għal 36,828 persuna. Ħafna minn dawn kienu persuni Tuneżini. 

Anki hawn jidher li kien hawn bidliet fil-mod kif isiru l-vjaġġi, u dan għax ħafna mill-persuni Tuneżini li ddeċidew li jagħmlu l-vjaġġ ma bdewx jitolbu s-servizzi tat-traffikanti imma ddeċidew li jorganizzaw il-vjaġġi huma stess u bil-għajnuna ta’ xi wħud li ppreparaw il-loġistika u dan anke bil-għajnuna tal-midja socjali u whatsapp groups.

Dawk li ttieħdu lura t-Tuneżija wara li kienu interċettati żdiedu ukoll  u minn 8,109 persuna fis-sena 2020 telgħu għal 16,610 persuna fis-sena 2021, żieda ta’ 105 fil-mija. 

It-Tuneżija taqbeż lil Malta

Ir-rapport jgħid li t-Tuneżija qabżet lil Malta, fejn dan il-pajjiż wara l-Italja kellu it-tieni l-akbar ammont ta’ persuni li ddaħħlu fih wara li telqu mill-Libja, b’2,986 persuna. Irid jingħad ukoll li matul is-sena 2021 dawk li telqu mit-Tuneżija lejn l-Ewropa żdiedu b’201 fil-mija.

It-tluq ta’ immigranti mill-Alġerija naqas bi 3 fil-mija  biex minn 20,697 persuna fis-sena 2020 niżlu għal 20,134 persuna li telqu minnhemm għall-Ewropa.

L-interċettazzjonijiet mill-Alġerija naqsu ukol u waqt li fis-sena 2020 dawk interċettati ammontaw għal 7,723 persuna fis-sena 2021 naqsu għal 6,210 persuna.

Il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-Libja marru għall-agħar 

Ir-rapport isemmi kif il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fil-Libja għall-immigranti marru għall-agħar. Isemmi rapport li kien tressaq quddim il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, immigranti kienu spjegaw li gwardji Libjani kienu sparaw fuq immigranti fiċ-ċentri ta’ detenzjoni meta dawn kienu qed jippruvaw jaħarbu minn nirien li seħħew minħabba splużjoni.  Xi immigranti mietu waqt li oħrajn spiċċaw kienu feruti. Ir-rapport jgħid li ma saret ebda investigazzjoni biex tistabbilixxi kemm kien hemm immigranti feruti. 

L-istess rapport isemmi kif fl-1 ta’ Ottubru tas-sena 2021, l-awtoritajiet Libjani għamlu dik li sejħu ‘operazzjoni ta’ sigurtà’ fuq skala kbira fis-subborg ta’ Gagaresh, li jinsab fil-punent ta’ Tripli.  L-għan ta’ din l-operazzjoni kienu l-immigranti u r-refuġjati.  Din l-operazzjoni wasslet biex inqatel immigrant wara li sparawlu u 15 oħra kienu feruti.  F’dan ir-rejd, għadd ta’ djar li fihom kienu jgħixu l-immigranti inqerdu waqt li xejn inqas minn 5,000 immigrant kienu arrestati.  Kien hemm 751 mara u 255 tfal li kienu spiċċaw arrestati.  Ħafna minn dawn l-immigranti ittieħdu f’ċentri ta’ detenzjoni, waqt li ħafna oħra tħallew bla saqaf fuq rashom fit-toroq u li imbagħad dawn spiċċaw jipprotestaw quddiem il-kwartieri ġenerali tal-UNHCR fi Tripli. 

Minkejja li l-UNHCR tathom flus, ikel u bżonnijiet oħra, huma baqgħu għaddejjin bil-protesti. Dan wassal biex il-UNHCR kellha tagħlaq  il-Community Day Centre tagħha fi Tripli.

Ekonomija

Sport