Friday, November 15, 2024

32 atleta msejħa mat-Tim Nazzjonali Malti għall-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika

Aqra wkoll

32 atleta kienu msejħa biex jirrappreżentaw lit-Tim Nazzjonali Malti waqt il-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika (CSSE) 2022 li se jsiru f’pajjiżna nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju.

L-atleti li se jxejru l-bandiera Maltija fid-dixxiplini differenti fil-ġiri, qbiż u tfigħ jinkludu taħlita ta’ żogħżija u esperjenza hekk kif huma se jikkompetu ma’ kompetizzjoni b’saħħitha minn 16-il pajjiż Ewropej. Dawn jinkludu pajjiżi bħal Ġorġja, l-Armenja u l-Moldova li għandhom fi ħdanhom atleti ta’ kalibru li anke waslu sal-fianali tal-Kampjonati Dinjija u l-Olimpjadi.

B’kollox madwar 350 atleta u uffiċjal huma mistennija jieħdu sehem f’din l-edizzjoni tas-CSSE.

Andy Grech, President ta’ Athletics Malta qal: “Ninsabu ferm kuntenti li nistgħu nsejħu lil dawn it-32 atleta biex jikkompetu ma’ talenti ta’ livell għoli f’dawn il-Kampjonati. Il-proċess li bih wasalna s’hawn ilu għaddej sentejn, meta waqqafna struttura moderna u professjonali għat-tim nazzjonali bl-għajnuna tal-kowċis ta’ esperjenza kbira f’pajjiżna taħt il-koordinazzjoni tad-Direttur Tekniku Mario Bonello”.

Grech żied jgħid li fl-aħħar żewġ staġuni l-atleti Maltin ingħataw numru ta’ opportunitajiet biex jieħdu sehem fi training camps u kompetizzjonijiet barra l-pajjiż. “Ninsab kunfidenti li din it-tħejjija se tittraduċi ruħha f’prestazzjonijiet tajbin għat-Tim Malti, għalkemm din l-esperjenza m’għandhiex titqies biss bħala għan aħħari iżda tarġa oħra lejn avvenimenti kbar li se nieħdu sehem fihom fix-xhur li ġejjin”.

Għal dan l-avveniment se jattendu wkoll delegati internazzonali ta’ livell għoli fosthom Dobromir Karamarinov (President ta’ European Athletics), Libor Varhanik u Jean Garcia (Viċi Presidenti ta’ European Athletics) Dimakos Panagiotis (Membru tal-Kunsill ta’ European Athletics) kif ukoll Frank Carreras (President tal-Athletics Association of Small States of Europe – AASSE).

CSSE Malta 2022 se ssir nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju fl-IStadium tal-Atletika fil-Marsa. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi u jappoġġja l-atleti tat-tim Malti f’din l-okkażjoni speċjali.

CSSE 2022 u t-Tim Malti huma appoġġjati mill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Eurosport, Medcomms Ltd., Big Mat, Salini Resort u Corporate ID Group.

IT-TIM MALTI GĦAL KAMJONATI EWROPEJ TAL-PAJJIŻI Ż-ŻGĦAR

NISA: Carla Scicluna (100, 200, Relay), Alessia Cristina (100), Charlotte Wingfield (200, Relay), Janet Richard (400, Relay), Martha Spiteri (400), Michela Caruana (800), Mireya Bugeja (800), Roberta Schembri (5000), Lisa Marie Bezzina (5000), Claire Azzopardi (Long Jump, Relay), Rachela Pace (Long Jump), Peppijna Dalli (Pole Vault), Sana Grillo (Pole Vault), Mireya Cassar (Hammer Throw), Antonella Chouhal (Hammer Throw, Discus), Mariah Zahra (Discus).

IRĠIEL: Beppe Grillo (100, 200, Relay), Luke Bezzina (100), Steve Camilleri (200, Relay), Luke Mizzi (400), Matthew Galea Soler (400, Relay), Ben Micallef (800, Relay), Christian Cassar (800), Dillon Cassar (5000), Luke Micallef (5000), Daniel Saliba (110H), Ian Grech (Long Jump), Jeremy Zammit (Long Jump), Nicolai Bonello (Pole Vault), Luca Martini (Hammer Throw), Bradley Mifsud (Discus) and Luke Farrugia (Discus).

Ekonomija

Sport