Il-Pulizija reġgħet wettqet numru ta’ spezzjonijiet madwar il-pajjiż. Kull fejn instab li persuni kienu Malta mingħajr permess validu, dawn il-persuni nġabru u beda l-proċess biex jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew dak li legalment għandhom permess jgħixu fih.
Fil-Marsa, fil-Ħamrun, fil-Mosta, f’Ħaż-Żebbuġ, f’Wied il-Għajn, fl-Imsida, f’Ħal Qormi u f’San Pawl il-Baħar, il-Pulizija kienet assistita mis-Servizzi ta’ Detenzjoni u għamlet spezzjonijiet f’residenzi, f’vetturi tat-trasport pubbliku, kif ukoll f’żoni fejn isir tlajjar għal skop ta’ xogħol.
F’dawn l-ispezzjonijiet instabu 32 persuna li kienu Malta b’mod irregolari.
Dawn l-ispezzjonijiet jikkumplimentaw spezzjonijiet oħra li saru fl-aħħar jiem, inkluż dawk fit-toroq marbuta mat-traffiku, bil-għan li tibqa’ titħaddem strateġija ta’ prevenzjoni.
Din il-ħidma tinvolvi l-impenn qawwi ta’ diversi taqsimiet tal-Pulizija.