Monday, July 15, 2024

33.7% biss minn 1,064 persuna jqisu l-politika mportanti f’ħajjithom

Aqra wkoll

Mill-istess studju ta’ Dr. Vincent Marmara, irriżulta li kien hemm tnaqqis f’dawk in-nies li qalu li l-politika hija importanti ħafna f’ħajjithom (48.3% fl-2021, vs 37.9% fl-2022 vs 37.4% fl-2023 vs 33.7% fl-2024). Barra minn hekk, kien hemm aktar nies minn sena għall-oħra li qalu li l-politika ma jinteressahom xejn. Ta’ min iżomm f’moħħu wkoll li d-data ġiet miġbura waqt kampanja elettorali fejn normalment l-interess fil-politika jiżdied. Dawk li huma taħt il-25 sena huma l-inqas li qalu li tinteressahom ‘ħafna’ l-politika (17.3%).

Meta kkumparat mal-aħħar tliet snin, kienu biss 27.2% tan-nies li qalu li huma jaslu għall-opinjoni tagħhom dwar diversi temi differenti, skont kif tkun l-opinjoni tal-partit politiku li jemmnu fih. Barra minn hekk, 42.8% ta’ dawk li rrispondew qalu li huma ma jiħdux deċiżjoni skont kif jaħsibha partit politiku (żieda ta’ aktar minn 13% meta mqabbel mal-2021). 

Dawk li għandhom aktar minn 66 sena huma l-aktar li jaslu għall-opinjoni tagħhom dwar diversi temi differenti skont kif tkun l-opinjoni tal-partit politiku li jemmnu fih (48.2%). 

Fis-sena 2024, ftit inqas minn 80% tal-Maltin jidentifikaw ruħhom ma’ partit politiku li jaqbel mal-ideat tagħhom. Ir-riżultati għal dawn l-aħħar 3 snin huma konsistenti ħafna. 

Fl-istħarriġ tal-2024 ħareġ li huma 42% tan-nies li jikkunsidraw li jivvutaw għal partit differenti fil-futur. Meta mqabbel mas-snin preċedenti, huwa ċar li kulma jmur, in-nies qed jappartjenu inqas għal partit partikolari. 

Ftit aktar minn tliet kwarti ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħariġ qalu li huma se jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Huma biss 10.3% tan-nies li qalu li mhux se jivvutaw, filwaqt li 13.3% għadhom indeċiżi. 

It-televiżjoni u l-links tal-portals tal-aħbarijiet fuq Facebook baqgħu l-aktar mezzi segwiti biex in-nies isegwu l-aħbarijiet. Ta’ min jinnota li kien hemm tnaqqis fil-perċentwal ta’ dawk li jsegwu gazzetti online (portals). 

Mistoqsija liema hi l-aktar ħaġa importanti għalihom fil-kultura Maltija, bħas-sena l-oħra, l-aktar importanti għan-nies huma l-festi tal-irħula u l-ibliet filwaqt li l-inqas importanti huwa l-karnival. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport