Mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid19 bil-għan li l-virus ma jinfirxx kienet iddaħħlet il-prattika li min jista’ jaħdem mid-dar jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu minn daru. Kienu diversi dawk il-postijiet tax-xogħol li għamlu bidliet bilgħan li jintroduċu it-telework. Fi stħarriġ li għadu kif ġie pubblikat mill-aġenzija Ewropea irriżulta li minn fost dawk li x-xogħol tagħhom jista’ jsir mid-dar f’Malta, kien hemm xejn inqas minn 33 fil-mija li qalu li huma qatt ma ħadmu mid-dar. Mill-istħarriġ li jiġbor fih il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u oħrajn fil-viċin, joħroġ li minn fost dawk li x-xogħolhom jista’ jsir mid-dar, kien hemm 41 fil-mija qalu li qed jaħdmu mid-dar, 33 fil-mija qalu li jaħdmu ġieli mid-dar u ġieli mix-xogħol u 26 fil-mija qalu li minkejja li jistgħu jaħdmu mid-dar huma qatt ma ħadmu mid-dar. Jekk nieħu t-telework fejn jirrigwarda l-pajjizi tal-Unjoni Ewropea, naraw li Malta klassifikat fil-5 post ta’ l-aktar li għandha impjegati li jistgħu jaħdmu mid-dar imma spiċċaw baqgħu jaħdmu mill-post tax-xogħol. L-ogħla ammont insibuh fil-Greċja bi 53 fil-mija, wara tiġi l-Polonja b’47 fil-mija, id-Danimarka b’36 fil-mija u Ċipru u Malta b’34 fil-mija. Il-medja tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 23 fil-mija f’dawk li huma ħaddiema li xogħlhom jista’ jsir mid-dar imma baqgħu jmorru fil-post tax-xogħol.
L-istħarriġ mill-aġenzija Ewropea dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien liema stħarriġ sar fis-sena 2020, 2021 u fir-rebbiegħa ta’ din is-sena. L-istħarriġ għall-ewwel darba apparti s-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea stħarreġ ukoll is-sitwazzjoni f’pajjiżi ġirien li huma l-Albanija, il-Georgia, il-Ġordan, il-Kosovo, il-Libanu, il-Moldova, il-Marokk, il-Maċedonja, il-Palestina u t-Tuneżija.
Fejn jirrigwarda it-telework jirriżulta li l-pajjiżi li kellhom l-inqas persentaġġ ta’ ħaddiema li jistgħu jaħdmu mid-dar imma baqgħu jaħdmu mill-post tax-xogħol kien il-Belġju b’7 fil-mija, l-Irlanda bi 8 fil-mija, il-Ġermanja b’10 fil-mija u l-Finlandja bi 11 fil-mija.
Jekk wieħed jieħu l-pajjiżi viċin l-Unjoni Ewropea isib li kien hemm 62 fil-mija li setgħu jaħdmu mid-dar imma baqgħu jaħdmu mill-post tax-xogħol.
Kemm ilaħħqu mal-ħajja?
L-istess stħarriġ jistħarreġ dwar kemm iċ-ċittadini qegħdin ilaħħqu mal-ħajja kemm fis-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u anke fl-10 pajjiżi ġirien. Wieħed irid jirrimarka li l-istħarriġ sar proprju fir-rebbiegħa meta l-inflazzjoni li żdiedet bil-kbir fix-xhur tas-sajf u wara, kienet għadha baxxa.
Jirriżulta minn dawk li wieġbu l-istħarriġ li f’Malta hawn 43 fil-mija li għandhom diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja.
L-aktar pajjiż tal-Unjoni Ewropea li kellu ċittadini ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja kienet il-Greċja bi 82 fil-mija u wara tiġi is-Slovakkja u Ċipru. Id-Daniżi u l-Iżvediżi għandhom l-inqas perċentwali ta’ persuni li qegħdin isibu diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja. Il-medja al-Unjoni Ewropea għal dawk li qed isibuha diffiċli ilaħħqu mal-ħajja hi ta’ 55 fil-mija. Jekk nieħdu l-għaxar pajjiżi ġirien nara li hemm hemmhekk il-medja hi ta’ 86 fil-mija tan-nies isibu problema bien ilaħħqu mal-ħajja.
Il-familji qed jiġu affettwati mill-kontijiet
L-istħarriġ għalkemm ma jispeċifikax pajjiż b’pajjiż, jgħid li l-familji fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fir-rebbieħa tas-sena 2022 kienu affettwati minn kontieret għoljin. Filfatt 18 fil-mija ilmentaw minn kontijiet għoljin tal-enerġija, 12 fil-mija ilmentaw minn kontijiet tat-telefon u internet, 12 fil-mija ilmentaw minn spejjeż mediċi u dawk connessi mas-saħħa, 12 fil-mija ilmentaw mis-self u 9 fil-mija ilmentaw mill-kirjiet.
Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja
Mill-istħarriġ jirriżulta li l-kwistjoni tal-bilanċ bejn xogħol u ħajja hu ta’ tħassib fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha li fihom sar l-istħarriġ. Mill-banda l-oħra, il-livell ta’ sodisfazzjon fl-għixien ivarja minn punteġġ ta’ 3 fil-Libanu għal punteġġ ta’ 6.9 fid-Danimarka.
Jekk nieħdu is-sodisfazzjon fl-għixien narra li d-Danimarka iġġib l-aktar punti b’6.9 u wara tiġi l-Olanda b’6.5 punti, is-Slovenja b’6.4 punti, u l-Lussemburgu b’6.4 punti. Wara tiġi l-Finlandja b’6.3 punti.
Il-medja tal-Unjoni Ewropa hi ta’ 5.9 punti. Fejn jirrigwarda l-Malta naraw li pajjiżna ġab 6 punti, l-istess bħal Ġermanja u Spanja.
Jekk nieħdu l-etajiet u l-livell ta’ sodisfazzjon naraw li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dawk bejn 18 u 29 sena huma l-aktar sodisfatti b’6.1 punti. Warajhom jiġu dawk li għandhom bejn 45 u 64 sena b’5.9 punti. Dawk li għandhom bejn 30 u 44 sena ġabu 5.8 punti f’dak li hu sodisfazzjon bl-għixien. Fil-każ tal-pajjiżi ġirien il-livell hu inqas bejn dawk bejn 18 u 29 sena u dawk bein 30 u 44 sena ġabu 4.2 punti. Interessanti l-fatt li imbagħad dawk bejn 45 u 64 sena huma aktar sodisfatti bl-għixien u ġabu 4.7 punti.
Proporzjon ta’ nies f’riskju ta’ dipressjoni… 56 fil-mija fl-UE… 53 fil-mija f’Malta
L-istħarriġ stħarreġ ukoll dwar il-persuni f’riskju ta’ dipressjoni ibbażat fuq l-indiċi WHO-5, liema indiċi ikejjel is-saħħa mentali fuq skala bejn 0 – 100 għal ħames dikjarazzjonijiet dwar burdati li dik il-persuna tkun esperjenzat fil-ġimgħatejn ta’ qabel.
Irriżulta li l-pajjiżi li għandhom l-inqas proporzjon ta’ nies f’riskju ta’ dipressjoni huma fis-Slovenja b’41 fil-mija, l-Olanda bi 42 fil-mija u d-Danimarka b’43 fil-mija. Malta ġabet 53 fil-mija. L-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandha proporzjon għoli ta’ nies f’riskju ta’ dipressjoni hu Ċipru b’68 fil-mija u warajh issegwi l-Greċja. Il-medja tal-Unjoni Ewropea f’dak li hu proporzjon ta’ nies f’riskju ta’ dipressjoni kien ta’ 56 fil-mija.