Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta l-warrant lil 35 inġiniera li temmew il-kors ta’ studju tagħhom fl-Inġinerija u għaddew mill-eżami tal-Warrant biex issa jkunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
F’diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar ir-responsabbiltà li jġorr miegħu dan id-dokument u kif mhux biss huwa ċertifikat ta’ kwalità iżda wkoll rikonoxximent mill-Istat ta’ kompetenza fil-professjoni.
“Il-fatt li persuna jkollha l-warrant ifisser li ċertu xogħol tista’ tagħmlu dik il-persuna u mhux ħaddieħor u allura dan il-fatt iġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet. Dan ifisser li minn issa ’l quddiem, il-firma tagħkom saret ċertifikat ta’ kwalità u ta’ responsabbiltà, anke f’ċertu istanzi, tal-ħajja tan-nies,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Huwa tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-Ministeru flimkien mal-Bord u mal-Kamra tal-Inġiniera, sabiex din il-professjoni tingħata aktar saħħa legali u tibqa’ relevanti u tattira aktar studenti prospettivi. Kompla li bl-iżviluppi kollha li għaddej minnhom pajjiżna huwa importanti ferm li jinstabu l-mezzi kif iħajjru aktar żgħażagħ jersqu ’l quddiem biex jagħżlu din il-professjoni għall-karriera tagħhom, filwaqt li stieden l-inġiniera l-ġodda biex iservu ta’ eżempju bil-ħidma tagħhom.
Il-Ministru semma wkoll il-miri ambjentali li għandha Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, dwar l-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni sal-2050. Huwa qal li din mhux biss hija sfida iżda wkoll opportunità kbira għall-inġiniera sabiex ikunu protagonisti u jsibu soluzzjonijiet biex jintlaħqu dawn il-miri. Huwa tenna li “F’dak kollu li tfasslu u toħolqu huwa importanti li taraw li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis fl-emissjonijiet għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħkom bħalma għandhom ikunu prijoritajiet għall-professjonijiet l-oħra konnessi.”
Huwa enfasizza li l-inġiniera għandhom id-dover li josservaw il-Kodiċi tal-Etika sabiex il-professjoni żżomm l-ogħla standards u tkompli tkun ta’ servizz għas-soċjetà. “L-inġiniera mhux biss għandhom responsabbiltà lejn l-istat iżda anke lejn il-protezzjoni tal-konsumatur u lejn il-ħarsien tas-sigurtà u s-saħħa pubblika,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm iċ-Chairperson tal-Bord tal-Warrants tal-Inġiniera, Dr Noel Camilleri u l-President tal-Kamra tal-Inġiniera, l-Inġinier Malcolm Zammit.