Monday, December 23, 2024

Il-flyover ta’ ħdejn l-ajruport tibda tintuża fit-tieni kwart tal-2022

Aqra wkoll

L-aġenzija Infrastructure Malta lestiet 35% tal-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport (KTAIP).

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn antiċipa li fit-tieni kwart tal-2022 se jkunu qed jinfetħu l-ewwel korsiji ġodda ta’ dan il-proġett, li se jkunu dawk tal-flyover fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret waqt li ġew segwiti x-xogħlijiet li qed isiru fuq dan il-proġett li se joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi, kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi.

Il-Ministru Ian Borg sostna kif dan il-gvern jibqa’ kommess li jkompli jinvesti fis-sigurtà tan-nies, hekk kif qed isiru bosta interventi madwar pajjiżna sabiex itejbu s-sigurtà tat-toroq. “Qegħdin naraw li wiċċ pajjiżna tingħatalu l-infrastruttura li tixraqlu, u għalhekk qegħdin inkomplu ninvestu fis-sigurtà tat-toroq. Dan hu proġett ambizzjuż ħafna fejn bħalma għamilna fi proġetti oħra bħall-Marsa Junction u anke qed nagħmlu fis-Central Link, li diġa qed jitgawda minn bosta, se nkomplu ntejbu bosta konnessjonijiet madwar pajjiżna li se jsarrfu f’aktar sigurtà fit-toroq u anqas inċidenti.”

Il-Ministru Ian Borg semma kif permezz ta’ dan il-proġett se jittejjeb l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport.

“Dawn huma żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija li tabilħaqq jixraqilhom l-aqwa u l-aħjar, hekk kif anke issa jidher li mexjin b’rata mgħaġġla lejn l-irkupru ekonomiku li sofra minħabba l-pandemija. Apparti hekk, qegħdin naraw li kollox isir bl-għaqal, fejn ix-xogħlijiet tal-proġett qed isiru f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali, biex niżguraw li ma jkunx hemm impatti mhux mixtieqa fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ Ħal Resqun li hemm fl-istess inħawi,” qal il-Ministru Borg.

Dan is-sit storiku se jibqa’ aċċessibbli għall-arkeologi bħalma kien qabel ma nbeda l-proġett. L-arkeologi approvati mis-Sovrintendenza qed isegwu u jissorveljaw ix-xogħlijiet kollha ta’ skavar tal-proġett.

Ekonomija

Sport