Thursday, December 2, 2021

Il-GWU tikkundanna l-aggressjoni fuq infermiera tad-Dipartiment tal-Emergenza

Aqra wkoll

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU iddeplorat bil-qawwa kollha l-aggressjoni li ntużat minn raġel fuq infermiera membri tagħha li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emergenza tal-isptar Mater Dei.

Dan il-każ seħħ nhar is-Sibt li għadda meta l-persuna involuta kienet aggressiva fil-konfront ta’ care workers u tim mediku f’residenza f’Raħal Ġdid. 

Dan ir-raġel saħansitra ġie kontrollat mill-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit, sakemm twassal eskortata l-isptar Mater Dei b’abbulanza.

Fl-istqarrija tagħha, it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU filwaqt li kkundannat kull vjolenza li ssir fuq ħaddiem fuq il-post tax-xogħol tiegħu, raddet ħajr lil dawn il-ħaddiema li minkejja l-ambjent diffiċli u delikat li jkunu fih, huma jaħdmu b’dedikazzjoni għal ġid tal-pazjenti li jassistu. Raddet il-ħajr ukoll lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa għal kontribut li jagħtu b’ħidmiethiom.

F’dawn iċ-ċirkostanzi tal-każ, it-Taqsima appellat lill-awtoritajiet konċernati sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli inċidenti bħal dawn ma jitħallewx jerġgħu jseħħu, kif ukoll ħeġġithom jieħu l-passi ħalli ssir ġustizzja.

Fl-aħħarnett, it-Taqsima sostniet l-importanza li l-ħaddiema jissieħbu f’Union għax b’hekk id-drittijiet tagħhom jitħarsu aktar u biex ukoll l-awtoritajiet jassiguraw li s-sigurta f’postijiet vulnerabbli bħalma huwa l-isptar, partikularment id-Dipartiment tal-Emerġenza tiġi mtejba u msaħħa.

Sport