Sunday, December 22, 2024

35,000 VITTMA FIL-LVANT NOFSANI…IL-KUNFLITT MHUX SOLUZZJONI

Aqra wkoll

35,000 persuna maqtula. Dan hu l-ammont ta’ persuni maqtulin s’issa fil-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Minn dawn hemm kważi 5,000 li huma nisa u kważi 8,000 tfal.
Minkejja t-tbatija u minkejja sejħiet ma jaqtgħu xejn minn attivisti u organizzazzjonijiet biex jieqfu l-attakki, dawn jibqgħu għaddejjin.

Kunflitt li ħalla vittmi fuq kull naħa. Kunflitt li mhux biss ħalla ħafna vittmi ċivili u innoċenti imma hu kunflitt li kompla kabbar il-mibegħda bejn iż-żewġ naħat. L-azzjonijiet li rajna kemm minn naħa u kemm minn oħra komplew fetħu l-feriti.

Proprju fl-aħħar sigħat rajna wkoll żvilupp ieħor, li wieħed irid jara fejn se jwassal. Da hu dak fin-naħa Iżraeljana u dan meta Benny Gantz talab li sat-8 ta’ Ġunju, Iżrael għandu jkollu pjan tiegħu tal-gwerra kontra l-Hamas inkella hu jirtira mill-Gvern Iżraeljan.

Dan hu pjan li jitlob li jiġu ritornati l-ostaġġi, jitilqu l-forzi militari minn Gaża, titwaqqaf amministrazzjoni internazzjonali għall-affarijiet ċivili fost oħrajn. Jekk wieħed ikollu janalizza dak li kien qed jiġri f’dan il-kunflitt fl-aħħar snin u proprju kif żvolġiet is-sitwazzjoni fl-aħħar kunflitt, hu ċar aktar minn qatt qabel li l-militantiżmu mhux soluzzjoni.

Il-militantiżmu f’dan il-każ wassal għall-qtil ta’ ċivili. Żied il-mibegħda. Wieħed jista’ jgħid ukoll li dan hu kunflitt qegħdin naraw l-antisemitiżmu jiżdied. Dan
jidher saħansitra f’pajjiżi ’l bogħod mill-kunflitt. Bħal f’kull kunflitt ieħor, dan hu kunflitt, li minnu se jkun hemm biss telliefa.

Dak imwettaq, u l-atroċitajiet li seħħew, nemmnu li jridu jgħaddu ammont ta’ snin biex il-feriti jibdew jagħlqu. U waqt li l-vittmi jibqgħu jiżdiedu kuljum, naraw il-komunità internazzjonali ssegwi fis-skiet. B’reazzjoni dgħajfa.

Nemmnu li l-militantiżmu falla. Wieħed jifhem li l-poplu Palestinjan ilu snin isofri
mill-okkupazzjoni. Ilu snin ibati. Żgur imma li l-militantiżmu mhux qed jgħin fil-kawża.

Mill-banda l-oħra ma nistgħux ma nirrimarkawx li l-kastig kollettiv u l-imblokk ta’
Gaża huma illegali taħt il-liġi internazzjonali. Fil-fatt l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jgħid li: Responsabbiltà individwali, pieni kollettivi, ritaljazzjoni… ebda persun protetta ma tista’ tiġi kkastigata għal reat li ma tkunx wettqet personalment.

Pieni kollettivi u bl-istess mod kull miżura ta’ intimidazzjoni jew ta’ terroriżmu huma pprojbiti. Ir-ritaljazzjoni kontra persuni protetti u l-proprjetà tagħhom
huma pprojbiti.

Hi sfortuna li waqt dan il-kunflitt rajna pożizzjonijiet polarizzati għall-aħħar. Pożizzjonijiet meħudin minn perċezzjonijiet żbaljati jew minn argumenti partiġjani. Kemm fuq naħa u kemm fuq oħra. Hu fatt li ma jista’ jiċħdu
ħadd li l-Palestinjani ilhom snin twal ibatu.

Ilhom snin twal bl-artijiet fejn jgħixu dejjem jitnaqqru. Irridu nirrimarkaw li l-grupp tal-Hamas mhumiex il-poplu Palestinjan. Illum il-poplu Palestinjan għaddej minn martirju sħiħ, jiffaċċja mblokk u assedju. Jiffaċċja kastig kollettiv.

Kastig kollettiv li minnu qegħdin ibatu familji fosthom it-tfal. Kastig kollettiv li ħalla eluf ta’ persuni bla dar. Oħrajn ħarbu minn fejn kienu jgħixu. L-attakk tal-Hamas hu kundannabbli. L-istess kif għandhom ikunu kkundannati l-attakki minn Iżrael fuq Gaża.

Huma attakki li mhux se jgħinu biex tinkiseb il-paċi. Huma attakki li qegħdin iħallu vittmi innoċenti. F’dan il-mument trid tintwera solidarjetà mal-vittmi innoċenti kemm Palestinjani u kemm Iżraeljani. F’mument bħal dan nistennew reazzjoni b’saħħitha mill-komunità Internazzjonali.

Reazzjoni biex ma jibqgħux jinqatlu persuni ċivili. Reazzjoni attiva biex il-kunflitt jieqaf. Sfortunatament s’issa rajna biss reazzjoni dgħajfa għall-aħħar. Nemmnu li s-soluzzjoni għall-kunflitt hi li żżewġ popli, jitkellmu u jingħaqdu kontra l-militantiżmu u l-militariżmu.

Il-mibegħda mhix soluzzjoni għall-kunflitti. Wieħed jifhem iżd ukoll li dak li seħħ fl-aħħar xhur ikkawża ġrieħi fondi u mhux se jgħaddi malajr.

Ekonomija

Sport