Fil-jiem li għaddew, f’serata gala fost ħafna lbiesi sbieħ u ikel tajjeb, ġew imħabbra r-rebbieħa ta’ diversi unuri ġewwa lukanda ewlenija f’San Ġiljan, fejn ġew rikonoxxuti l-ħafna talenti li l-Maltin imżejna bihom matul il-Malta’s Best DJ & Entertainment Awards 2025 organizzata minn Dynamic Events Ltd. Fost il-ħafna rebbieħa kien hemm ukoll Stevy Vee, DJ rinomat li rebaħ diversi awards. Xtaqna għalhekk naraw kif ħassu Stevy Vee b’dawn l-unuri kollha u wkoll x’emozzjonijiet ħass meta jara li hu ġie rikonoxxut b’mod daqshekk tajjeb.
Huwa qalilna li dawn l-awards kien ilhom daqsxejn ma jsiru. Qabel il-pandemija tal-Covid-19 kienu jsiru l-Malta Music Awards u kienet xi ħaġa sabiħa li tiltaqa’ man-nies tal-industrija stess u taqsam l-esperjenzi tiegħek magħhom, allura kienet xi ħaġa iteressanti li reġa’ kien hemm din l-inizjattiva mingħand id-Dynamic Events Ltd.”

L-erba’ titli li rebaħ matul din is-serata ta’ The Malta Best DJ and Entertainment Awards għas-sena 2025 kienu, Best House DJ of the Year, Best Deep House DJ of the Year , Best Artist Management Company of the Year, u wkoll Best Gigs Management of the Year. Huwa jispjega li kienet xi ħaġa sabiħa u kienet emozzjoni sabiħa ħafna.” Dan ikompli jqawwi lil nies bħal Stevy Vee biex ikompli b’din il-karriera li hija tassew għal qalbu.
Żgur li x-xena tad-DJs f’pajjiżna nbidlet matul is-snin, u dan jista’ jixhdu Stevy Vee li issa ilu f’din l-industrija għal ħafna snin, u fil-fatt qalilna li hu din is-sena se jagħlaq “36 sena fix-xena tal-industrija tal-mużika f’Malta, u għalhekk rajt ħafna tibdil ovvjament, għalkemm ma tistax toqgħod tikkumpara mas-snin ta’ qabel, eżempju mas-snin 90 jew mal-ewwel snin tas-seklu 20, għax qisu kull deċenju għandu xi ħaġa differenti.” Stevy Vee spjega li fix-xena tal-mużika bħal kollox trid timxi mat-trend u tara x’hemm bħalissa għaddej, u skont hu “t-trend illum, anke fejn tidħol il-mużika, hi li qed ngħixu fil-media soċjali, Tik Tok, Instagram, allura apparti li trid tkun DJ tajjeb, trid ukoll tagħti spettaklu lin-nies, għax illum in-nies mhux jisimgħu biss iridu imma anke jaraw ukoll.” Għalhekk wieħed irid mhux biss joħloq mużika tajba imma jagħraf iwassalha lill-oħrajn permezz tal-midja soċjali.
Huwa jkompli jgħidilna li dik hija d-differenza li jara “bejn iż-żmien ta’ qabel u issa, għax iż-żgħażagħ tal-lum, apparti li jridu jitgħallmu u jistudjaw il-mużika, hemm dak l-element tal-viżwali u li jrid ikun hemm spettaklu.”
Bħala DJ b’ħafna esperjenza fil-mużika, Stevy Vee kiseb ħafna rispett mill-pubbliku f’dan il-qasam, u hu jgħid li hu bħala DJ għandu l-livell tiegħu, u wkoll jaf fejn qiegħed u jaf li wkoll għandu l-limiti tiegħu, li dan ikompli jikseb ir-rispett minn ta’ madwaru. Huwa jħeġġeġ għal “aktar għaqda bejn il-mużiċisti u l-performers Maltin, iżda din xi ħaġa li ssir kullimkien għax f’kollox ser isib kompetizzjoni.” Huwa jara li jżomm komunikazzjoni tajba ma’ kulħadd, jara DJs ġodda li qed jitilgħu llum li ħafna minhom iħaddmuhom fil-kumpanija biex jagħtuhom aktar ċans idoqqu f’ħafna postijiet li jieħdu ħsieb.
Meta staqsejna biex iwassal messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li qed jaspiraw li jsiru DJs, Stevy Vee qal li ma tridx taqta qalbek, “agħmlu bħala pjaċir, għax wara kollox il-mużika dik hi, li permezz tagħha qed tagħti gost lil ħaddieħor. Importanti li ma tippruvax tiġri, tagħmel kollox pass pass, issegwi dak li qed jiġri bħalissa fid-dinja u ssegwi t-trends ġodda, u kkuntattja gigs managers li jistgħu jagħtuk pariri u jistgħu jgħinuk billi jagħtuk gigs, u jekk ikollok il-ħila u temmen fik innifsek, inti żgur li se tasal.”
Għaldaqstant jekk wieħed jimxi fuq dan il-parir ta’ DJ Stevy Vee, b’esperjenza kbira f’din l-industrija u jibni karriera mużikali, filwaqt li jkun qed jieħu gost hu, ikun ukoll qed iferraħ lil ħaddieħor b’lingwa internazzjonali, dik tal-mużika u l-ispettaklu li tpaxxi l-għajnejn u l-widnejn!