35 rekluta, 29 raġel u 6 nisa, ħadu l-ġurament bħala uffiċjali korrettivi ġodda, filwaqt li żewġ nisa ħadu l-ġurament bħala uffiċjali kadetti, l-ewwel fl-istorja tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u tal-Aġenzija.
F’ċerimonja qasira fejn is-37 membru l-ġdid tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ħadu l-ġurament, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri awgura lill-uffiċjali l-ġodda u appella biex is-sagrifiċċju li sar waqt ir-reklutaġġ ma jintilifx, billi t-taħriġ li ngħata jibqa’ jinġarr mal-uffiċjali ħalli jwieġbu bl-aħjar mod fiċ-ċirkustanzi differenti li se jkunu qed jiltaqgħu miegħu.
“It-taħriġ fil-fiżika tagħkom, it-taħriġ fl-ewwel għajnuna, fil-kriminoloġija, il-kontroll tar-rabja, il-ħiliet ta’ negozjar, il-ħiliet dwar il-ħajja u dawk psikoloġiċi fost oħrajn issa tridu tużawhom fil-prattika bl-aħjar mod. Permezz tat-taħriġ li ħadtu tridu tassiguraw li filwaqt li kulħadd jaffaċċja l-ġustizzja li jkun ħaqqu, dan irid isir f’ambjent sigur u denju għal kulħadd”, qal Dr Camilleri.
Il-Ministru Camilleri qal li din mhix biss karriera, imma wkoll vokazzjoni. Fid-dawl ta’ dan tenna li se jkun hemm waqtiet fejn l-aġilità u s-sens komun se jirbħu fuq il-manwali ta’ prattiċità.
Fl-aħħar nett qal li dan il-grupp se jibda ħidmietu fi sfond ta’ bidliet kbar li qed jitwettqu, bidliet biex ikun assigurat it-tisħiħ taċ-checks & balances fis-sistema karċerarja ta’ pajjiżna.
Waqt din iċ-ċerimonja tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, is-Sur Robert Brincau, li qal li t-triq li għażlu l-uffiċjali korrettivi l-ġodda mhix faċli imma fl-istess ħin tagħti sodisfazzjon. “Qegħdin hawn biex tgħinu lir-residenti fil-mixja tagħhom għal ħajja aħjar. Flimkien mal-uffiċjali eżistenti u mal-professjonisti varji li jaħdmu fil-faċilità, ser tkunu parti mill-proċess tal-bidla tar-residenti”, qal is-Sur Brincau.
Huwa mistenni ħafna mill-uffiċjal korrettiv. Mistenni li jisma’ u jgħid kelma għall-ġid meta jkun hemm bżonn. Mistenni li jara li r-regolamenti qed jiġu osservati. Fuq kollox mistenni li dan kollu jagħmlu ta’ kuljum b’integrità assoluta.
Tkellmet ukoll ir-rekluta Melissa Micallef dwar kif ir-rekluti l-ġodda kellhom il-privileġġ li għamlu r-reklutaġġ fil-faċilità korrettiva stess, li għenet biex kulħadd seta’ jara l-ambjent li se jkun qed jaħdem fih. “Dawn l-erba’ xhur biddluna biex illum aħna sirna nies bl-uniformi. L-uniformi ġġorr piż magħha, dik biex naħdmu għal soċjetà aħjar, li nkunu dixxiplinati, li nkunu leali lejn pajjiżna u lejn il-ġurament li ħadna”.