Friday, May 3, 2024

3,793 applikaw għal xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini sal-aħħar t’Ottubru

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Sena ilu kont għidt b’mod ċar li l-gvern qiegħed jimbarka fuq proċess biex għall-ewwel darba nintroduċu l-liċenzja tal-kuntratturi. Illum nista’ nirrapporta li dak li stqarrejt is-sena li għaddiet wassal biex sal-aħħar t’Ottubru 3,793 applikant daħħlu l-applikazzjonijiet tagħhom biex jagħmlu xogħol ta’ twaqqigħ, skavar u bini”. Iddikjara dan il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi filwaqt li spjega kif grazzi għall-kuraġġ tal-gvern li jirriforma dan is-settur issa nistgħu nkunu nafu min qiegħed jipparteċipa u kif se jkun qiegħed jaħdem is-settur fiż-żmien li ġej.

Il-Ministru qal li mill-ewwel ta’ Novembru u fil-ġranet ta’ wara, kull min applika mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), qiegħed jiġi mistoqsi jekk il-kuntrattur li se jqabbad huwiex jimxi mar-regoli l-ġodda. Dawk li mhumiex imsemmija qegħdin jitwaqqfu milli joperaw. Iżda l-ħidma mhix se tieqaf hawn u r-regolamentazzjoni se tkompli biex dan is-settur ikompli jiġi assigurat kemm jista’ jkun. 

Il-Ministru qal li fl-2022 kien hemm 10,289 spezzjoni u din is-sena sa Ottubru din iċ-ċifra nqabżet b’total ta’ 10,828 spezzjoni. Bħala avviżi ta’ infurzar is-sena li għaddiet kien hemm 350 filwaqt li din is-sena sa Ottubru kien hemm diġà aktar minn 300. Fejn jidħlu ħruġ ta’ penali sa Ottubru kien hemm diġà 589 meta kkumparati mal-129 tas-sena li għaddiet. Huwa qal li dawn iċ-ċifri huma riżultati tal-awtorità u l-ħaddiema tal-BCA. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar id-djalogu mal-Kamra tal-Periti u l-irwol tagħha bħala regolatur. Fakkar kif bħala key stakeholder għenet biex tiddaħħal fis-seħħ liġi ġdida tal-periti li tat aktar saħħa lill-Kamra tal-Periti wara snin twal ta’ stennija. Qal li b’din il-liġi l-ġdida llum il-periti għandhom struttura dixxiplinarja fejn tidħol l-etika u l-istess Kamra daħlet fi ftehim finanzjarju mal-gvern biex tkun tista’ twettaq xogħolha aħjar. 

“Fejn ikun hemm il-ħtieġa li nispjegaw l-affarijiet aktar jew li nbiddlu, m’aħniex se niddejqu”, kompla l-Ministru filwaqt li aċċenna għal diskussjoni riċenti għal kjariment meħtieġ fejn jidħlu l-assigurazzjonijiet f’dan is-settur bl-operaturi jitolbu li jiġu ċċarati regoli mhux  biss tal-kuntratturi imma anke  dwar regoli li jintalbu f’dan is-settur. 

Dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), il-Ministru qal li din kompliet tinvesti fil-ħaddiema u sistemi tal-IT biex tgħin fl-operat u l-infurzar tal-liġijiet.

Sport