Monday, May 13, 2024

38 kilometru ta’ cables tal-elettriku ġodda f’inqas minn tliet xhur

- L-Enemalta tkompli bit-tisħiħ tan-netwerk tal-elettriku f’Malta u Għawdex

Aqra wkoll

F’inqas minn tliet xhur, L-Enemalta żiedet 38 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż.

Dan il-progress ta’ dan l-investiment, tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt li kienet qed tiltaqa’ ma’ uħud mill-ħaddiema tal-proġett fil-Mosta. Il-Ministru kienet akkumpanjata mis-Sindku tal-Mosta Chris Grech u ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lil iktar minn 100 ħaddiema involuti f’dan il-proġett madwar Malta u Għawdex, inkluż impjegati u kuntratturi ta’ Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta, it-tliet entitajiet li ngħaqdu flimkien biex iħaffu din il-ħidma, bl-appoġġ tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Enemalta qed tqiegħed aktar minn 70 kilometru ta’ cables ġodda ta’ 11-il kilovolt biex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tan-netwerk f’Malta u Għawdex.

Dawn il-konnessjonijiet addizzjonali qed inaqqsu r-riskji ta’ interruzzjonijiet fin-netwerk filwaqt li jħaffu l-ħin li fih tingħata lura l-provvista meta jinqalgħu diffikultajiet bħal dawn. 

Ix-xogħol ta’ tqegħid ta’ cables ġodda għaddej f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, fosthom Ħ’Attard (Ta’ Qali), Birżebbuġa (Ħal Far), Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Kalkara, Ħal Luqa, il-Mosta, l-Imtarfa, il-Munxar (Xlendi), in-Nadur, in-Naxxar, ir-Rabat (Malta), ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u ż-Żurrieq. Enemalta lestiet xogħlijiet simili f’Ħal Kirkop, Bormla u l-Fgura aktar kmieni din is-sena.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li s-sena li għaddiet, il-Gvern wiegħed li jkabbar l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż. “Irridu niżguraw li l-infrastruttura tagħna tkompli tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-enerġija preżenti u futuri ta’ Malta. Kif urew it-temperaturi rekord tas-sajf li għadda, dan it-tisħiħ tan-netwerk huwa wkoll essenzjali biex isaħħaħ ir-reżiljenza tagħna għall-klima. Aktar attivitajiet residenzjali, kummerċjali u industrijali qed jimxu lejn l-elettrifikazzjoni, filwaqt li l-komunitajiet tagħna qed iżidu l-investimenti tagħhom f’sistemi t’enerġija rinnovabbli mqabbda mas-sistema tad-distribuzzjoni. L-infrastruttura tal-elettriku tagħna hija s-sinsla ta’ din it-tranżizzjoni.”

“Se nkomplu ninvestu fis-settur tal-enerġija, b’sistema tad-distribuzzjoni aktar b’saħħitha, interkonnessjonijiet ġodda, soluzzjonijiet innovattivi għall-ħażna tal-enerġija u aktar proġetti ta’ enerġija rinnovabbli fuq l-art u anka offshore, sabiex insostnu l-impenn tagħna lejn in-newtralità fil-klima,” qalet il-Ministru Dalli.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv ta’ Enemalta Ryan Fava spjega li x-xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ cables li għaddejjin fil-Mosta u lokalitajiet oħra jiffurmaw parti mill-pjan ta’ sitt snin li l-kumpanija bdiet fl-2022 biex issaħħaħ in-netwerk. “Permezz ta’ dan l-investiment, matul l-ewwel xahrejn tas-sena, it-timijiet tan-netwerk tagħna diġà lestew 10 substations ġodda u wettqu xogħol ta’ tisħiħ u tkabbir f’disgħa oħra eżistenti. Lestejna wkoll 23 feeder ġdid 400/230V mis-substations, biex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizzi tagħna f’partijiet differenti ta’ Malta u Għawdex. Ħafna proġetti oħra simili se jitlestew fix-xhur li ġejjin.”

“Il-pjan ta’ sitt snin jinkludi wkoll erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda fil-limiti tan-Naxxar, is-Siġġiewi, il-Kottonera u r-Rabat. Bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet tal-ippjanar u tal-akkwist għal dawn iċ-Ċentri. Qed isiru wkoll xogħlijiet sabiex jitkabbar iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ Buġibba. L-Enemalta qed tippjana wkoll titjib kbir f’żewġ ċentri oħra ta’ distribuzzjoni,” qal Fava.

Għal aktar informazzjoni, żur enemalta.com.mt jew segwi Enemalta u Sostenibilità fuq il-midja soċjal

Sport