Saturday, April 27, 2024

Ebda diskriminazzjoni f’każ ta’ promozzjonijiet fl-Armata 

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell f’sentenza li tat ilbieraħ ċaħdet l-argumenti tal-Logutenenti Kurunell Andrew Mallia li kien sofra minn diskriminazzjoni fi promozzjonijiet fl-Armata. Hu kien argumenta li membri oħra li kienu ngħataw l-promozzjoni kienu inqas anzjani minnu. Il-Qorti tal-Appell iddikjarat b’mod ċar ħafna li “hu minnu li l-esperjenza għandha l-ħabta li tagħmel lil dak li jkun aktar effiċjenti f’xogħlu u ġeneralment tgħin biex ittejjeb il-ħiliet tal-individwu, madankollu wieħed ma jistax jirraġuna li għax hu jkun ilu jservi f’ċertu grad għal aktar żmien mill-kollegi tiegħu, mela allura huwa bilfors aqwa jew aħjar minn sħabu”.

Ta’ min jgħid li f’sentenza li kienet ingħatat mill-Qorti madwar erba’ snin ilu, il-Qorti  ma kinitx laqgħet it-talba tal-Logutenent Kurunell Andrew Mallia li fetaħ kawża kostituzzjonali minħabba li ngħataw promozzjonijiet fl-Armata lill-membri oħra li kienu inqas anzjani minnu. Il-kawża kienet saret fil-konfront tal-Kap Kmandant tal-Forzi Armati u tal-eks Ministru, Manuel Mallia li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Wara l-istess Logutenent Kurunell Andrew Mallia kien appella mid-deċizjoni tal-qorti, bil-Qorti  tal-Appell ikkonfermat dik is-sentenza.  Din is-sentenza għal darba oħra iġġib fix-xejn l-allegazzjonijiet kollha li kienu jsiru. 

Il-Qorti tal-Appell kienet komposta mill-Imħallef Giannino Caruana Demajo, l-Imħallef Joseph R. Micallef  u l-Imħallef Anthony Ellul. 

Il-Logutenenet Kurunell Andrew Malli argumenta li l-unika raġuni għalfejn hu ma ġiex promoss u li ġew promossi il-Brigadier Jeffrey Curmi, il-Kurunell Pierre Vassallo, il-Kurunell Mark Said u l-Kurunell Mark Mallia, hu għax dawn ħadu inkonsiderazzjoni raġunijiet irrelevanti li waslu sabiex il-persuni msemmija jingħataw trattament speċjali u minħabba dan hu sofra diskriminazzjoni. Argumenta li hu għandu ħafna aktar anzjanità mill-erba’ persuni msemmija u għalhekk hu kien aktar idoneju għall-promozzjoni.”

Jirriżulta li fi żmien li nbdiet il-kawża, il-Kurunell Andrew Mallia  kien jaħdem bħala uffiċjal fil-Forzi Armati ta’ Malta fil-grad ta’ Tenent Kurunell. Huwa kien ilu jservi f’dak il-grad sa mill-1 ta’ Lulju tas-sena 2010. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru tas-sena 2013, li dehret fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tas-27 ta’ Settembru, il-Ministru  ħatar lit-Tenenti Kurunelli Claudio Spiteri, Brian Gatt, Alfred Attard, Pierre Vassallo, Mark Said, Jeffery Curmi u Mark Mallia, biex jittellgħu għall-grad ta’ Kurunell. Billi erbgħa fost dawn is-seba’ uffiċjali u sewwasew Pierre Vassallo, Mark Said, Jeffrey Curmi, u Mark Mallia, kien għadhom kemm ittellgħu fil-grad ta’ Tenent Kurunell ġimagħtejn qabel, Andrew Mallia ħass li l-promozzjoni ta’ dawn kienet waħda diskriminatorja fil-konfront tiegħu, kif ukoll abbużiva u llegali. Hu minnu wkoll li, għalkemm Vassallo u Said ittellgħu fil-grad ta’ Tenent Kurunell f’Settembru tas-sena 2013, effettivament dik il-ħatra kellha tmur lura għal Ottubru tas-sena 2003 u Lulju tal-2010 rispettivament, b’riħet deċiżjoni tal-Bord dwar l-Investigazzjoni tal-Inġustizzji.

Il-Qorti tal-Appell qalet li “għalkemm huwa minnu li l-esperjenza għandha l-ħabta li tagħmel lil dak li jkun aktar effiċjenti f’xogħlu u ġeneralment tgħin biex ittejjeb il-ħiliet tal-individwu, madankollu wieħed ma jistax jirraġuna li għax hu jkun ilu jservi f’ċertu grad għal aktar żmien mill-kollegi tiegħu, mela allura huwa bilfors aqwa jew aħjar minn sħabu u għalhekk huwa jkun l-aktar kandidat li jistħoqqlu jagħmel qabża oħra fil-karriera tiegħu. Mingħajr ma hemm għalfejn jingħad, li kieku l-leġislatur ried li l-“anzjanità” fil-grad għandha tiddetermina min għandu jieħu l-promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta, il-leġislatur ma kienx sejjer iżid il-kriterji tal-“effiċjenza” u “l- għażla biex titmela l-vakanza”. Għalkemm huwa rilevanti, il-kriterju tal- “anzjanità” waħdu m’huwiex għalhekk fattur determinanti dwar min għandu jkun promoss, u dan sakemm l-għażla ma tkunx ser issir bejn tnejn jew aktar uffiċjali li jkunu f’kollox indaqs, f’dawk li huma attribwiti tal- “effiċjenza” u l-“għażla biex timtela l-vakanza”. 

Il-Qorti qalet li “b’dan kollu f’moħħha, wara li rat sewwa dak kollu li hemm fl-atti tal- kawża, il-Qorti jidhrilha li f’dan il-każ Andrew Mallia ma seħħlux jipprova li huwa kellu kwalitajiet indaqs jew aħjar minn dawk ta’ Said u Vassallo, u għalhekk imbilli Said u Vassallo kellhom ħafna anzjanità anqas minnu fil- grad ta’ Tenent Kurunell, ma jfissirx li l-promozzjoni tagħhom għall- Kurunell kienet bilfors waħda irraġonevoli jew inkella ‘ultra vires’.

Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li “l-liġi stess li tgħid li, mill-grad ta’ Kurunell ’’lfuq, in-nomini għal dawk il-pożizzjonijiet fl-Armata “għandhom isiru mill- Ministru. Il-fatt li l-liġi tagħti lill-Ministru s-setgħa li jinnomina lil dawk l-uffiċjali li għandhom jinħatru fil-grad ta’ Kurunell ’Lfuq, ma jfissirx li l-Ministru jista’ jaqbad u jagħżel lil min ifettillu. Bħalma jitlob it-twettiq ta’ kull għemil amministrattiv, f’każijiet bħal dawn il-Ministru għandu d-dmir li jwettaq is- setgħat diskrezzjonali tiegħu kemm fl-aħjar interess tal-kotra b’mod ġenerali, kif ukoll b’rispett sħiħ lejn dak kollu li tgħid il-liġi li tagħtih dik is- setgħa. Bħal kull eżerċizzju ieħor ta’ setgħa diskrezzjonali, id-deċiżjoni tal-Ministru, dwar lil min jaħtar fil-grad ta’ Kurunell, għandha għalhekk dejjem tkun imnebbħa minn konsiderazzjonjiet rilevanti, u fl-istess waqt b’ħarsien sħiħ tal-prinċipji tar-raġonevolezza u tal-ħaqq.”

Il-Qorti tal-Appell Qalet li “l-Ministru xehed li huwa u jagħżel l-uffiċjali li kellhom jiġu elevati għall-Kurunell, hu ma waqafx mal-kriterju tal-“anzjanità”, iżda qies ukoll il-kriteriji tal-“effiċjenza” u tal-“għażla biex timtela l-vakanza” billi wiżen min fost liema kandidati prospettivi kellhom l-aqwa esperjenza u l- aħjar kwalifiki, b’rilevanza speċifika għal kull taqsima rispettiva tal-Armata li fiha l-post għall-grad ta’ Kurunell kien battal. Fid-dawl ta’ dan, il- Ministru saħaq li huwa u jwettaq l-eżerċizzju tan-nomina ta’ dawk l-uffiċjali li kellhom jiġu promossi għall-grad ta’ Kurunell, huwa żamm dejjem f’moħħu t-tliet kriterji mitluba mil-liġi u għalhekk insista li huwa mexa mal-liġi. Dwar il-ħatra ta’ Pierre Vassallo, il-Ministru xehed li huwa għażel lil dan sabiex jimla l-vakanza għal Kurunell responsabbli mit- tmexxija tat-taqsima tal-loġistika, għar-raġuni li Vassallo kien dejjem serva f’dik it-taqsima tal-Armata, u għalhekk deherlu li dan kien l-aktar kandidat maħluq għal hemmhekk.”

Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li Andrew Mallia  ma kellu l-esperjenza bħalma kellhom Vassallo u Said fit-taqsima tal-loġistika u tal-ajru rispettivament, u għandu wkoll jingħad li hu lanqas ma wera li huwa kellu aktar kwalifiċi relevanti minn Vassallo u Said. Dwar dan, minkejja li fl-affidavit tiegħu l-Andrew Mallia kiteb li ma setax kellu kwalifiċi inferjuri minn dawn it-tnejn, meta sarlu l-kontro-eżami, waqqa’ dan kollu billi qal li huwa ma kellux aċċess għall-kwalifiċi li seta’ kellu ħaddieħor u għalhekk ma kienx f’qagħda li jissostanzja l-allegazzjoni li kien għamel. M’hemmx xi ngħidu, kien jaqa’ fuqu d-dmir li jressaq provi tajba biżżejjed li bihom juri kif huwa kien kwalifikat daqs jew aktar minn Vassallo jew Said biex jintgħażel bħala Kurunell fit-taqsima tal-loġisitika jew tat-taħriġ rispettivament, qabel ma seta’ allura jkun f’qagħda li, f’dan ir-rigward, jgħid li ma kienx ittrattat kif kellu jkun.  Ġaladarba Vassallo u Said kienu eliġibbli għall-promozzjoni u ntwera li dawn kellhom dawk il-kwalitajiet rilevanti sabiex iservu bħala Kurunell responsabbli mit-taqsimiet tal-loġistika u tat-taħriġ rispettivament, il-Qorti ma tistax taqbel ma’ Andrew Mallia li d-deċiżjoni dwar il-promozzjoni tagħhom tista’ b’xi mod jew ieħor titqies irraġonevoli, jew inkella li ma kinitx imsejsa fuq kunsiderazzjonijiet rilevanti. 

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell  imressaq mill-Logotenent Kurunell Andrew Mallia, u kkonfermat għal kollox is-sentenza appellata.

Sport