HIBERNIANS……………. 0
MARSAXLOKK…………… 1
Marsaxlokk kisbu rebħa importanti u drammatika ta’ 1-0 kontra Hibernians grazzi għal goal ta’ Oualid El Hasni fid-90 minuta liema riżultat tellagħhom waħedhom fit-tieni post tal-klassifika, punt biss taħt il-leaders Valletta.
L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata, b’Marsaxlokk joħolqu l-ewwel periklu permezz ta’ Matias Garcia, li ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra. Hibernians wieġbu permezz ta’ Duane Bonnici, filwaqt li Joseph Mbong u Kurt Shaw ukoll ippruvaw isibu x-xibka. Madankollu, iż-żewġ difiżi żammew sod u l-goalkeepers kienu attenti biex il-partita baqgħet f’paritá ta’ mingħajr goals.
Fit-tieni taqsima, Marsaxlokk żiedu l-pressjoni u ppruvaw ifitxxu l-goal tal-vantaġġ. Juan Carlos Corbolan u Soares kellhom tentattivi lejn il-lasta, iżda d-difiża Pawlista rnexxielha tikklerja kull periklu.
Fis-70 minuta, Hibernians kellhom opportunità permezz ta’ Mouad El Fanis, iżda t-tentattiv tiegħu għadda ftit barra.
L-aktar mument importanti qabel il-goal wasal fit-82 minuta meta Marsaxlokk talbu l-intervent tal-Football Video System wara kuntatt bejn Bjorn Kristensen u Matias Garcia fil-kaxxa. Wara l-verifiki, ingħata l-penalty, iżda Joseph Minala ra t-tentattiv tiegħu salvat minn Matteo Cardinali. Marsaxlokk talbu verifika oħra minħabba allegat moviment tal-goalkeeper barra mil-linja, iżda t-talba ma ġietx milqugħa.
Meta l-partita dehret li ż-żewġ timijiet kienu se jtemmu fi draw, Oualid El Hasni spiċċa bħala l-eroj ta’ Marsaxlokk fid-90 minuta. Wara cross mil-linja tax-xellug, il-ballun wasal għandu u kien pront jikkonkludi fix-xibka biex ta tliet punti prezzjużi lit-team immexxi mill-coach Vincenzo Potenza.
Fil-ħin miżjud, Hibernians talbu penalty għal allegat foul fuq Kurt Shaw, iżda l-FVS ma sabx raġuni biex jingħata l-penalty.
B’dan is-suċċess, Marsaxlokk komplew jikkonfermaw il- pożizzjoni tagħhom fost l-isfidanti ewlenin għall-ewwel post
Hibernians: Matteo Cardinali, Alfred Silas Hamanjoda (Khevin Fraga 88), Kurt Shaw, Joseph Mbong (Isaiah Chukunyere 63), Joy Slayd Mickels (Isaiah Chukunyere 63), Bjorn Kristensen, Dexter Xuereb (Jurgen Degabriele 88), Nathan Agius (Jayden Roe 63), Duane Bonnici (Jurgen Degabriele 88), Leandro Lautaro Lacunza, Mouad El Fanis (Ryder Santos Silva 90+1) – Coach: Tugberk Tanrivermis
Marsaxlokk: Christoffer Henri Mafoumbi, Oleksii Bykov, Oualid El Hasni, Nikolai Muscat, Jose Ulises Arias (Domantas Simkus 90+1), Jorge Ailton Soares, Juan Carlos Corbolan, Semir Smajlagic (Triston Caruana 78), Matias Nicolas Garcia (Lucas Caruana 90+1), Joseph Marie Minala, Leandro Damian Aguirre (Redon Mihana 46) – Coach: Vincenzo Potenza
Referee: Alex Johnson
assistenti: Duncan Sultana, Kurt Saliba
Raba’ Uff.: Daniel Portelli
Skorers: O. El Hasni 90 (M)
Ammoniti: L. Aguirre (M); J. Mbong, D. Xuereb (H)
Attendenza: Juan Corbolan (Marsaxlokk)




