Wednesday, July 24, 2024

385 film differenti ġew murija fis-swali taċ-ċinema lokali fl-2023

… l-aktar popolari kienu l-films ‘Barbie’, ‘The Little Mermaid’ u ‘The Super Mario Bros. Movie’

Aqra wkoll

Fl-2023, iċ-ċinemas f’Malta u Għawdex urew 385 film differenti, filwaqt li l-udjenza tagħhom laħqet il-594,087 entratura.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li matul is-sena li għaddiet, kien hemm sitt stabbilimenti taċ-ċinema li kellhom b’kollox 23 skrin u kapaċità ta’ 3,881 post bilqiegħda. Minn dawn is-sitt ċinemas, tnejn kienu jinsabu f’Għawdex.

Is-sena li għaddiet kienu murijin total ta’ 385 film differenti fi 30,742 wirja, u għaldaqstant dan jammonta għal medja ta’ 80 wirja għal kull film. Għall-wiri ta’ dawn il-films, is-swali taċ-ċinemas rreġistraw udjenza ta’ 594,087. Il-produzzjonijiet Maltin, li ħafna minnhom kienu tax-xorta tal-films qosra aktar milli ta’ films prinċipali, kellhom 4,884 entratura b’total ta’ dħul gross li laħaq is-€20,457 fʼ143 wirja. Min-naħa l-oħra, produzzjonijiet barranin, li minbarra l-films tradizzjonali kienu jinkludu wkoll iċ-ċinema tal-avvenimenti, kellhom 589,203 entratura b’total ta’ dħul gross li ammonta għal €4,488,290 fi 30,599 wirja.

Matul l-2023, l-udjenzi taċ-ċinema kellhom għażla ta’ 385 film differenti, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu films taʼ finzjoni. Dawn il-films ġibdu lejhom 73.8 fil-mija tal-entraturi kollha.

L-aktar films popolari kienu ‘Barbie’, ‘The Little Mermaid’ u ‘The Super Mario Bros. Movie’ li rreġistraw 8.8 fil-mija, 4.7 fil-mija u 4.7 fil-mija oħra tal-entraturi kollha, rispettivament.

Il-biċċa l-kbira tal-films murijin fis-swali taċ-ċinemas kienu kklassifikati bħala “12A” u “15” fʼtermini tal-klassifikazzjoni tal-età. Fil-fatt, 28.1 fil-mija tal-films ipprojettati fl-2023 kienu kklassifikati bħala “12A”, filwaqt li 35.1 fil-mija kienu kklassifikati bħala “15”. Min-naħa l-oħra, sebgħa fil-mija biss tal-projezzjonijiet kienu kklassifikati bħala “18”.

Is-sena li għaddiet, 61 fil-mija tal-films murijin damu bejn 76 u 120 minuta. Il-wirjiet tal-tip “Live/Encore”, inklużi opri, balletti, u teatru, kellhom l-itwal ħin b’medja ta’ 150 minuta. Min-naħa l-oħra, il-films taʼ animazzjoni kellhom l-iqsar ħin ta’ dewmien bʼmedja ta’ 87 minuta.

Is-sena l-oħra, is-swali taċ-ċinemas kienu qegħdin iħaddmu medja ta’ 110 persuni, li l-maġġoranza tagħhom kienu mqabbda fuq bażi part-time.

Ekonomija

Sport