Minn tal-inqas 39 persuna tilfu ħajjithom u għexieren oħra ndarbu f’ħabta bejn żewġ ferroviji fin-nofsinhar ta’ Spanja, f’dak li huwa l-agħar inċident ferrovjarju fil-pajjiż għal aktar minn għaxar snin. Vaguni ta’ ferrovija li kienet sejra lejn Madrid dehru jinqalgħu mill-binarji u qasmu lejn il-linji ta’ direzzjoni opposta u ħabtu ma’ ferrovija oħra. L-inċident seħħ f’Adamuz nhar il-Ħadd filgħaxija.
In-networks tal-ferroviji qalu li kien hemm 400 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ abbord iż-żewġ ferroviji. Is-servizzi ta’ emerġenza taw il-kura lil 122 persuna, b’48 minnhom, inklużi ħamest itfal, għadhom rikoverata l-isptar. Minn dawn, 11-il adult u tifel jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva.
Il-Ministru tat-Trasport Spanjol Óscar Puente ddeskriva l-inċident bħala “estremament stramb” hekk kif tnediet investigazzjoni uffiċjali. Huwa qal ukoll li l-esperti ferrovjarji kollha li ġew ikkonsultati mill-gvern “huma estremament imħawdin bl-inċident”.
Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Pedro Sánchez, iddeskriva dan l-inċident fatali bħala “lejl ta’ wġigħ kbir” fil-pajjiż.
L-inċident tal-ħabta seħħ fis-7.45 p.m. (ħin lokali), ħdejn il-belt ta’ Córdoba madwar siegħa wara li l-ferrovija bdiet il-vjaġġ tagħha minn Málaga lejn Madrid.
Il-qawwa tal-ħabta mbuttat il-vaguni tat-tieni ferrovija ġo moll. Il-parti l-kbira ta’ dawk li mietu u dawk li korrew kienu fil-vaguni ta’ quddiem tat-tieni ferrovija, li kienet qed tivvjaġġa minn Madrid għal Huelva.
Skont il-kumpanija ferrovjarja Taljana Ferrovie dello Stato, it-tip ta’ ferrovija ta’ veloċita għolja involuta fil-ħabta kienet Freccia 1000, li tista’ tilħaq veloċitajiet sa massimu ta’ 400 kilometru fis-siegħa.
It-timijiet tas-salvataġġ sabuha diffiċli biex jirkupraw lill-passiġġieri maqbuda ġewwa l-vaguni minħabba l-fdalijiet mibrumin tal-ferrovija u saħansitra kellhom joħorġu n-nies ’il barra mill-bibien u t-twieqi tal-ferrovija.
Kaġun tal-inċident, is-servizzi ferrovjarji kollha bejn Madrid u Andalusia ġew sospiżi u baqgħu magħluqin sal-ġurnata kollha tal-bieraħ.
Madwar 300 passiġġier kienu abbord il-ferrovija tal-kumpanija privata Iryo li operat il-vjaġġ minn Malaga, filwaqt li l-ferrovija l-oħra – operata mid-ditta ffinanzjata mill-istat Renfe – kellha abbord madwar 100 passiġġier.
Għadha mhux magħrufa l-kawża tal-inċident bil-Ministru tat-Trasport jiġi kkwotat jgħid li l-investigazzjoni mhix mistennija li tiddetermina x’ġara qabel ma jgħaddi minn tal-inqas xahar.

