Bosta jinsabu maħsudin bil-mewt ta’ Jeanluke Galea Duca. Deskritt bħala żagħżugħ attiv u fiżikament b’saħħtu, l-aħbar tal-mewt tiegħu ħasdet lil dawk kollha li kienu jafu b’mod speċjali minħabba l-istil ta’ ħajja li kien jgħix, anke ’l bogħod minn ċertu vizzji.
Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm martu li kien ilhom biss erba’ xhur li ċċelebraw dik li ddeskriviet bħala l-aqwa ġurnata tagħhom meta ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ. Hija qasmet fuq il-profil tagħha parti żgħira mill-imħabba ta’ bejniethom u l-fatt li hu kien dejjem hemm biex jara li ma jonqosha xejn. Saħansitra stqarret li Jeanluke kien l-ispalla li kellha bżonn kull meta kellhom jaffaċċjaw ċertu sitwazzjonijiet bħala koppja.
Sellmu l-memorja tiegħu wkoll l-grupp Heartcore+ li fih kien attiv JeanLuke u mehmuż ħallew filmat ta’ uħud mill-mumenti li fihom jidher jipprattika l-isport. Huma qalu li l-ispirtu sportiv tiegħu se jibqa’ f’dawk kollha li kellhom ix-xorti jsiru jafuh.
S’issa l-kawża tal-mewt tiegħu għadha mhix magħrufa. Din il-mewta għal għarrieda taħbat biss ftit jiem bogħod wara l-mewt ta’ Justin Tabone, iż-żagħżugħ li miet wara li waqa’ waqt logħba futbol kawża ta’ suspettat attakk ta’ qalb.