Saturday, November 16, 2024

40 SENA ĦABS GĦALL-AĦWA DEGIORGIO TALLI QATLU LIL DAPHNE

Il-ġuri tal-aħwa Degiorgio jdum biss ftit sigħat bi żvolta mhux mistennija

Aqra wkoll

7:15 p.m: L-aħwa George u Alfred Degiorgio, ta’ 59 u 57 sena rispettivament, kienu kkundannati 40 sena ħabs kull wieħed wara li fil-ġuri tagħhom, li dam biss ftit sigħat, ammettew li fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 qatlu lil Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija permezz ta’ bomba li tpoġġiet fil-karozza tagħha. Huma kienu ordnati wkoll iħallsu €42,930 fi spejjeż tal-Qorti.

Il-ġuri tagħhom beda jinstema’ dalgħodu quddiem l-Imħallef Edwina Grima fejn għall-ewwel huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom, iżda mbagħad fi żvolta tard waranofsinhar iddikjaraw li kienu se jwieġbu ħatja. 

B’rabta ma’ din l-ammissjoni, kien hemm ukoll qbil bejn il-Prosekuzzjoni, id-Difiża u anke l-Parte Civile dwar il-piena li kellha tingħata. Il-ftehim kien ippreżentat mill-Prosekuzzjoni li tmexxiet mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia.

L-aħwa Degiorgio kienu fost diversi persuni li ġew arrestati u tressqu fil-Qorti b’rabta ma’ dan l-omiċidju. Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien ammetta l-involviment tiegħu u ġie kkundannat 15-il sena ħabs. Tliet persuni oħra jinsabu akkużati b’rabta ma’ dan il-qtil fosthom l-allegat mandant u min allegatament forna l-bomba li ntużat biex inqatlet Caruana Galizia.

6:00 p.m: Żvolta hekk kif l-aħwa Degiorgio jammettu

Wara waqfa li damet ferm iżjed milli mistenni, il-ġuri tal-aħwa Degiorgio llejla ħa żvolta ġdida. L-aħwa George u Alfred Degiorgio ammettew li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.

Għalkemm għad m’hemm l-ebda konferma b’rabta ma’ din l-ammissjoni, il-Prosekuzzjoni, id-Difiża u anki l-Parte Civile jiġifieri dawk li qed jirrappreżentaw l-interessi tal-familja Caruana Galizia qablu fi ftehim ta’ sentenza ta’ 40 sena ħabs.

Kienu għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar x’ħin il-ġuri kellu jkompli wara waqfa ta’ siegħa, madankollu waqaf kollox u saħansitra l-akkużati nħarġu mill-awla. L-aħwa dehru wkoll jiddiskutu bejniethom għal xi ħin.

B’hekk, illejla stess se tingħata s-sentenza bl-akkużati George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż u Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu jistgħu jeħlu sa 40 sena ħabs kull wieħed għall-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia li seħħ f’Ottubru tal-2017.

Ftit sigħat wara li bdew għaddejjin ġuri, huma ġew mgħarrfa mill-Imħallef Edwin Grima wara li ftit tal-ħin ilu ammettew l-akkużi b’rabta mal-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Aktar kmieni dalgħodu…

Quddiem l-Imħallef Edwina Grima beda l-ġuri tal-aħwa Degiorgio akkużati bl-omiċidju volontarju tal-blogger Daphne Caruana Galizia li seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017. Hija kienet ħierġa mid-dar tagħha fil-Bidnija meta l-karozza tagħha splodiet u nħakmet min-nirien sakemm spiċċat f’għalqa ftit metri bogħod.

L-aħwa Degiorgio kienu fost diversi persuni li ġew arrestati u tressqu fil-Qorti b’rabta ma’ dan l-omiċidju. Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien ammetta l-involviment tiegħu u ġie kkundannat 15-il sena ħabs.

Allegat li Alfred Degiorgio prova jibla’ xi pilloli…

Il-bidu kien wieħed inċert wara li ntqal li Alfred Degiorgio allegatament prova jibla’ xi pilloli li ngħatawlu minn priġunier ieħor fil-ħabs. Dan b’attentat biex itawwal il-ġuri. Degiorgio ddaħħal fl-awla fuq siġġu tar-roti mgħotti bi gverta akkumpanjat minn infermiera. Instema’ wkoll kif kien ordnat, li minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, dan għandu jkun assistit minn tabib u infermier il-ħin kollu u li f’każ li l-kundizzjoni tiegħu taqleb għall-agħar kellhom jinfurmaw lill-Qorti minnufih.

“Forsi niltaqgħu l-Infern” … George aktar aggressiv minn ħuh

Min-naħa tiegħu George Degiorgio kien aktar aggressiv fl-atteġġjament tiegħu fil-Qorti u lmenta li l-Avukat Ġenerali m’għandux jippermetti li l-ġuri jibda b’difiża li qiegħda tgħid li mhix preparata. Huwa esprima r-rabja tiegħu għall-fatt li qed ikunu ppreżentati minn avukati li qed jgħidu li mhumiex preparati u staqsa lill-membri tal-midja biex ma jħallux dawn id-dettalji barra fil-pubblikazzjonijiet tagħhom. Huwa ma naqasx milli jdur ukoll fuq id-Difiża tal-familja Caruana Galizia mmexxija mill-avukati u eks membri parlamentari Nazzjonalisti Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. Huwa staqsihom kif setgħu jinsewhom minn żmien l-istamperija u kompla biex jgħid li l-Qorti hija waħda korrotta.

Intant b’ton ta’ rassenjazzjoni huwa kompla biex jgħid li konxju li l-Imħallef, li dak il-ħin ma kinitx fl-awla, kienet se tmexxi biex tibda bil-ġuri u nstema’ jgħid “Forsi niltaqgħu l-infern”.

Rikors b’urġenza mid-Difiża tal-akkużati…

L-avukat Simon Micallef Stafrace informa lill-Qorti li dalgħodu ġie ppreżentat rikors b’urġenza biex il-ġuri ma jinstemgħax illum u li s’issa ma kien għadu ngħata l-ebda digriet mill-Qorti Kostituzzjonali.

L-avukat ilmenta li l-atti fihom aktar minn 25 volum, 11,000 paġna u 4.2 GB. Huwa qal li hemm wisq provi u li biex bħala difiża jkun preparat jistma’ li kellu jagħmel ġranet sħaħ u mingħajr ma jagħmel xogħol ieħor biex jiftaħ biss il-files mressqin u jaqrahom mingħajr eżami bir-reqqa tal-kontenut. 

Il-Qorti min-naħa tagħha spjegat li sabet ruħha b’idejha marbutin u setgħet tagħmel dak li l-liġi tagħtiha s-setgħa li tagħmel biex kellha tkun hi stess li taħtar Avukat għall-akkużati. 

Kompliet biex tgħid li d-difiża għandha tassisti lill-akkużati u fl-eventwalità li l-ilment tagħha jiġi milqugħ, il-Qorti tiddikjara li tieqaf minnufih mis-smigħ tal-Ġuri. 

Jintgħażlu l-ġurati…

L-Imħallef Grima talbet lill-ġurati biex jidħlu fl-awla u biex tkun tista’ tibda l-għażla tagħhom. Intant waqt li beda l-proċess biex jintgħażlu l-ġurati, il-Qorti għarrfet lid-dfiża li t-talba tagħha kienet ġiet miċħuda u li kollox kellu jipproċedi kif skedat.

Hawnhekk il-qorti eżentati numru ta’ persuni milli jkunu ġurati fosthom mara li tinsab bil-leave tal-maternità u li għandha tarbija ta’ 11-il xahar x’tieħu ħsieb. Ieħor ġie mmultat €500 wara li ma tfaċċax fl-awla.

Il-ġurati magħżulin huma ħamest irġiel u erba’ nisa u b’hekk il-ġuri se jkun qiegħed jibda kważi ħames snin wara l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija.

Jibdew jinqraw iċ-ċirkostanzi tal-każ li jmur lura għal kważi ħames snin ilu…

Jibdew jinqraw iċ-ċirkostanzi tal-każ u kif fis-16 ta’ Ottubru tal-2017, għall-ħabta tat-3:00 p.m Daphne Caruana Galizia telqet mid-dar tagħha fil-Bidnija. Ingħad li ftit wara, permezz ta’ SMS, ġiet attivata l-bomba li tqegħdet taħt is-seat tas-sewwieq il-lejl ta’ qabel. Intqal kif wara xhur ta’ osservazzjoni, l-akkużati sabu l-opportunità illi jwaħħlu l-bomba meta lejlet l-jum tal-omiċidju, iben Caruana Galizia, Matthew, issellef il-karozza t’ommu, u mar-ritorn tiegħu ħalla l-karozza barra. 

Instema’ wkoll kif wieħed mill-aħwa ħareġ fuq il-baħar fuq cabin cruiser, u li l-ieħor kien qiegħed isegwiha. Meta Caruana Galizia telgħet fil-karozza tagħha, wieħed informa lill-ieħor illi seta’ jattiva l-bomba. Il-bomba, li kienet tinkludi bejn 300 u 400 gramma ta’ TNT ġiet attivata minn fuq il-baħar. L-ammont ta’ TNT użat kien juri li min kien wara l-bomba kien lest li joqtol lil kull min seta’ kien fil-karozza fl-eventwalità.

L-Imħallef tfakkar lill-ġurati dwar id-dover tagħhom…

Wara li nqraw l-akkużi kontra l-akkużati, l-Imħallef Edwina Grima spjegat lill-ġurati l-irwol tagħhom. Infurmathom illi fiż-żmien li ġej huma se jkunu qed jaġixxu ta’ Mħallfin u li d-deċiżjoni tagħhom għandhom jeħduha skont il-fatti preżentati lilhom, u skont ir-regoli tal-ġurati. Kompliet biex tfakkarhom li l-aħwa Degorgio qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

L-Imħallef elenkat mal-ġurati l-erba’ pilastri tal-proċeduri kriminali fosthom dik tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Hija qalet lill-ġurati li tul il-proċess, l-akkużati huma preżunti innoċenti sakemm jaslu għall-verdett finali tagħhom li għandu jingħata f’serenità u mingħajr biża’. L-Imħallef qalet ukoll li l-piż tal-prova jistrieħ dejjem fuq il-Prosekuzzjoni. Spjegat li l-akkużat mhux obbligat li jitkellem u jista’ ma jwieġeb għall-ebda domanda li ssirlu skont drittijietu. Qalet li madanakollu jekk l-akkużat ma jitkellimx ma jkunx ifisser li dan huwa ħati u  li dak li jgħid ma jistax jintuża bħala evidenza, kemm favur u kemm kontra l-akkużat l-ieħor. L-Imħallef tenniet li huwa xogħol il-prosekuzzjoni li tikkonvinċihom lil hinn minn kull dubju filwaqt li xogħol id-Difiża huwa li tqajjem dan id-dubju.

Is-sitt kapi ta’ akkużi kontra l-aħwa Degiorgio…

  • Omiċidju volontarju li jista’ jġib miegħu sentenza ta’ għomor il-ħabs
  • Ikkawżar ta’ splużjoni li rriżultat fil-mewt ta’ persuna li wkoll tista’ ġġorr magħha sentenza ta’ għomor il-ħabs.
  • Pussess illeċtu ta’ splussivi li jista’ jwassal għal sentenza ta’ 12-il sena ħabs.
  • Konfoffa kriminali bl-objettiv li tinqatel persuna li ġġorr magħha sentenza ta’ bejn 20 u 40 sena ħabs. 
  • Organizzaw jew iffinanzjaw organizzazzjoni bil-għan li jitwettaq reat li tista’ twassal għal sentenza ta’ 12-il sena ħabs.
  • Parteċipazzjoni attiva f’konfoffa bejn żewġ persuni jew aktar bil-għan li jitwettaq reat li tista’ twassal għal sentenza ta’ bejn 4 u 12-il sena ħabs.

Ġudizzju dwar l-omiċidju ta’ mara u mhux fuq il-karattru jew ix-xogħol tagħha… 

Il-Prosekutur Philip Farrugia qal lill-ġurati li Daphne kienet magħrufa u spjega li f’dan l-istadju jridu jinsew min kienet bħala ġurnalista. Fakkar dwar ħafna laqmijiet li kienu jintużaw fil-konfront tagħħha bħalma huma “Biċċa Blogger” jew “is-Saħħara tal-Bidnija”. Qal li l-ħsieb tal-ġuri mhux li jiġġudika l-karattru jew ix-xogħol tagħha iżda li jiġġudika l-omiċidju ta’ mara li kienet omm, mart u bint.

Dr Galea Farrugia fakkar kif f’dan il-każ tqabbdu wkoll ħames esperti Olandiżi, ħames esperti mill-Europol (post blast investigators u data analysts), kif ukoll żewġ esperti mill-FBI li hu ddefinixxa bħala “speċjalizzatissimi”. Qal li l-ewwel indikazzjonijiet li bdew jippuntaw lejn l-akkużati kienu dawn raġġi tat-telefown li dawn l-esperti jispeċjalizzaw fihom.

€150,000 b’depożitu ta’ €30,000 biex tinqatel il-vittma…

Kompla biex jgħid li ‘persuna’ (b’referenza għal Yorgen Fenech) talbet lil Melvin Theuma isibilha lil xi ħadd sabiex joqtol lil Daphne Caruana Galizia. Dan tkellem ma’ Alfred Degorgio u li wara li ltaqgħu l-Busy Bee, Degorgio talbu sabiex jagħtih ftit żmien. Ftit tax-xhur wara reġgħu ltaqgħu u ġie miftiehem il-prezz ta’ €150,000 b’depożitu ta’ €30,000 biex il-mara tinqatel.

Lill-ġurati qalilhom ukoll li ftit wara Melvin Theuma ġabar id-depożitu miftiehem mingħand ‘l-ewwel persuna’, u għaddihom lil Alfred Degorgio. Degorgio informa lil Theuma li se jkunu tlieta li jwettqu l-qtil u li t-tnejn l-oħra kienu ħuh George Degorgio u Vince Muscat. Fakkar li Vince Muscat diġà aċċetta l-akkużi fil-konfront tiegħu u qed iservi sentenza ta’ 15-il sena ħabs.

Deċiż li tinqatel b’bomba…

Dr Galea Farrugia qal li min hawn beda x-xogħol. L-akkużati sabu post fl-inħawi tal-Victoria Lines u mill-bogħod setgħu josservaw lil Daphne Caruana Galizia. Qal li fil-bidu ġiethom l-idea li jużaw rifle, minħabba li kienu jarawha taħdem minn fuq il-laptop tagħha mit-tieqa. Madanakollu wara ddeċidew li l-aħjar soluzjoni kienet bomba.

‘Burner phones’ fl-istess lokazzjoni tal-mowbajls personali tal-akkużati…

Minn hemm beda l-proċess u l-akkużati xtraw tliet mowbajls ‘burner phones’, bi tliet numri reġistrati li ġew ppreżentati fil-Qorti wkoll. It-tliet numri m’għamlu kuntatt ma’ ebda numru ieħor għajr bejniethom

Kompla biex spjega lid-disa’ ġurati li n-numri tal-‘burner phones’ dejjem irriżultaw li huma fl-istess lokazzjoni bħal dik tal-mowbajls personali tal-istess akkużati u huwa għalhekk li l-prosekuzzjoni taf li dawn kienu n-numri tagħhom. In-numru ta’ George Degorgio kien irreġistrat f’ismu stess, filwaqt li Alfred Degorgio għadda n-numru tal-burner phone tiegħu bħala referenza meta għamel booking f’lukanda Għawdex.

Is-Sim Card li attivat il-bomba…

Inxtara numru ieħor li wara l-isplużjoni ma deherx iktar. Irriżulta li din kienet is-Sim Card li kienet imwaħħla mal-bomba. Is-Sim Card ġiet attivata fis-1:51 a.m fil-Bidnija. Mill-investigazzjonijiet tal-FBI rriżulta li din ma ċċaqalqitx sal-mument li fih mietet Caruana Galizia. Is-Sim Card li minnha ntbagħat il-messaġġ tal-bomba kienet qed timxi mal-mowbajl personali ta’ Alfred Degorgio u mal-‘burner phone’ tiegħu.

It-test tad-DNA fuq loqma ta’ sigarett mormi fil-Bidnija…

Il-Prosekutur żied jgħid li saħansitra fil-Bidnija nstabet loqma ta’ sigarett li minn analiżi li saret tad-DNA instab li din kienet taqbel ma’ dik ta’ Alfrer Degorgio.

Jintbagħat l-SMS…

Dr Galea Farrugia qal ukoll lill-ġurati li George kien il-bniedem li bagħat il-messaġġ. Iżda qalilhom li dakinhar li kien fuq il-baħar induna li ma kellux kreditu fil-mowbajl tiegħu biex jibgħat il-messaġġ. Hawnhekk ċempel lil ħabib tiegħu minn mowbajl ieħor sabiex jittoppjalu.

L-aħwa Degiorgio għamlu kuntatt bil-‘burner phone’ ma’ xulxin, fejn għal-ewwel ħarġet l-istruzzjoni sabiex il-messaġġ jintbagħat iżda imbagħad qallu sabiex jagħti ċans minħabba li Daphne daħlet lura d-dar. Huma baqgħu fuq il-linja sakemm kien il-mument li jintbagħat il-messaġġ ‘#RL1=ON’ li attiva l-bomba.

Ekonomija

Sport