Friday, May 17, 2024

Il-PM ma joġġezzjonax għal aktar konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-midja

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li ma jsibx oġġezzjoni li jkun hemm aktar konsultazzjoni dwar l-abbozzi ta’ liġijiet dwar il-ġurnaliżmu u l-media.

F’ittra liċ-Chairperson tal-Kumitat ta’ Esperti dwar il-media, l-Imħallef Emeritu Michael Mallia, il-Prim Ministru rrefera għal laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin il-Ħamis filgħaxija. Fl-ittra l-Prim Ministru kiteb li fil-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-IĠM infurmawh li jixtiequ li jkun hemm konsultazzjoni aktar wiesgħa dwar l-abbozzi ta’ liġijiet li dwarhom il-kumitat ta’ esperti dwar il-midja ppreżenta rapport fl-1 ta’ Ġunju li għadda. Il-Prim Ministru qal li ma jsibx oġġezzjoni għal din it-talba kemm-il darba l-kumitat jaqbel ma’ dan is-suġġeriment. Abela qal li f’dan il-każ jintbagħat rapport aġġornat u l-abbozzi relattivi jibqgħu fl-istadju tal-ewwel qari.

L-IĠM sodisfatt bil-laqgħa mal-Prim Ministru

Min-naħa tiegħu l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin irrefera għal din il-laqgħa li ssejħet mill-Prim Ministru fuq talba li saret mill-istess IĠM aktar kmieni din il-ġimgħa. L-IĠM ikkonferma li l-Prim Ministru kkommetta ruħu li ma jimxix ‘il quddiem bil-proċess parlamentari fuq dawn l-abbozzi u jikteb liċ-Chairman tal-Kumitat ta’ Esperti dwar il-Midja biex issir aktar konsultazzjoni, kif fil-fatt għamel. L-IĠM qal li hu sodisfatt li s-sens komun rebaħ u li l-proċess mhux se jimxi ‘l quddiem qabel ma tinżamm konsultazzjoni wiesgħa.

Sport