Tuesday, December 24, 2024

40 sena ħabs wara li ammetta li qatel ħabiba tiegħu b’114-il daqqa ta’ sikkina fi Florida

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 16-il sena qed jaffaċċja sentenza ta’ mill-inqas 40 sena ħabs wara li fil-Qorti ta’ Santu Wistin fi Florida ammetta li meta kellu 16-il sena qatel lil waħda minn sħabu tal-klassi b’114-il daqqa ta’ sikkina.

Aiden Fucci kien akkużat li qatel lil Tristyn Bailey – tfalja ta’ 13-il sena li nstabet mejta ħdejn għadira fit-tarf ta’ Saddlestone Drive f’Jacksonville, mil biss ‘il bogħod mid-dar ta’ Fucci.

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ imur lura għad-9 ta’ Mejju 2021. Dakinhar, l-istudenta li kienet tattendi akkademija magħrufa bħala l-Patriot Oaks, ġiet irrappurtata nieqsa mill-familja tagħha fejn intqal li kienet liebsa dublett abjad u qmis skura.

Minn filmati li ntwerew fil-Qorti, nhar id-9 ta’ Mejju 2021 Bailey dehret miexja mal-akkużat. Il-filmat tas-CCTV wera wkoll lil Fucci jgħaddi mill-istess post waħdu, siegħa wara li ntlemaħ li kien ma’ Bailey.

Minn awtopsja li saret fuq il-vittma, irriżulta li Bailey qalgħet 114-il daqqa ta’ sikkina; 49 minn dawn id-daqqiet instabu fuq id-dirgħajn u fuq l-id il-leminija tal-vittma.

Fucci ġie arrestat ġurnata wara li seħħ id-delitt. Minn investigazzjoni li saret fid-dar tiegħu rriżulta li nstabet sikkina fil-kamra tas-sodda, kif ukoll flokk u par żarbun bit-tbajja’ tad-demm. Fil-Qorti ntqal li l-istess sikkina li nstabet fil-kamra tas-sodda tal-akkużat hija konsistenti mal-ġrieħi li ġarrbet il-vittma bis-sikkina fuq ġisimha.

Fucci wieġeb li hu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u sostna li jixtieq jiskuża ruħu mal-familja tat-tfajla u mal-familja tiegħu.

Il-Qorti ddikjarat li l-ġuvni ma jinsabx eliġibbli għall-piena tal-mewt minħabba li meta sar ir-reat huwa kien għadu żgħir fl-età.

Ekonomija

Sport