Wednesday, December 25, 2024

400 student jibdew is-sena skolastika fi skola ġdida

Il-PM Robert Abela jinawgura l-iskola Primarja tar-Rabat

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-iskola Primarja tar-Rabat, li qed igawdu minnha 400 student. Skola li tfisser li f’sena waħda biss l-istudenti Maltin u Għawdxin se jkunu qegħdin jingħataw l-edukazzjoni tagħhom fi tliet skejjel ġodda, b’investiment li qiegħed isir fl-infrastruttura edukattiva.

Waqt żjara li għamel fl-iskola, il-Prim Ministru nnota l-ambjent mill-isbaħ u attrezzat b’dak kollu meħtieġ li fih dawn l-istudenti qegħdin jingħataw l-edukazzjoni tagħhom. B’aspett komuni li għandhom dawn l-iskejjel ġodda, fi kliem il-Prim Ministru, huwa li mhumiex biss post ta’ tagħlim formali, imma huma spazji li jsaħħu l-ħiliet ta’ dawk it-tfal li t-talenti tagħhom jimirħu ‘l bogħod mill-kurrikulu. Filfatt, l-iskola fir-Rabat, tinkludi fost oħrajn, klassijiet għall-arti u l-mużika, multi-sensory room, indoor gym u r-riżorsi kollha li jħejju l-istudenti għall-avvanzi diġitali.

Bil-prinċipju li jiggwida lil Gvern fis-settur edukattiv huwa li jkollna tfal kreattivi, li dawk li jaraw għajnejhom jagħmluh idejhom u li fihom jiżviluppaw dak li jagħmilhom uniċi u mhux jiksbu biss l-edukazzjoni bażika.

Bis-sena 2024, il-Prim Ministru spjega se tkun qed tara t-twettiq ta’ aktar proġetti ta’ dan it-tip. B’dan huwa mod kif il-Gvern qed isarraf ekonomija b’saħħitha, biex igawdu l-vantaġġi tagħha ulied pajjiżna. Filfatt, għal din is-sena, il-vot tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jlaħħaq it-€847 miljun. B’din l-iskola li tinkludi 33 klassi, saret b’investiment li jiżboq it-€3.5 miljun.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-edukazzjoni bħala l-pedament li fuqu ulied pajjiżna jibnu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom biex jaħsdu l-opportunitajiet li toffri Malta. Irridu nibqgħu nipprovdu l-aqwa edukazzjoni possibbli biex kulħadd jasal. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti biex f’dinja li dejjem qed tinbidel, jisfidaw l-istatus quo u jħaddnu teknoloġiji ġodda biex jitilqu jiġru u jmexxu l-futur ta’ Malta.

F’ringrazzjament lill-edukaturi, lill-Kunsill Lokali u lill-komunità inġenerali, il-Prim Ministru temm li din l-iskola tirrifletti pajjiż modern b’ekonomija b’saħħitha, pajjiż ta’ opportunitajiet biex nieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss.

Il-Prim Ministru kellu wkoll diskussjoni mal-istudenti tas-sitt sena, fuq bosta temi fosthom fuq il-ġid fil-komunità, l-ambjent u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Diskussjoni li matulha sostna li dan il-Gvern aktar kemm jiltaqa’ u jitkellem ma’ student aktar tikber id-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern li jkompli jaħdem biex we get the future right.

Il-Ministru Clifton Grima saħaq li l-investiment fl-iskola tar-Rabat qed jissarraf fi skola tal-ogħla livell li qed tagħmilha possibbli biex taħdem minn binja waħda mgħammra b’dak kollu meħtieġ. Huwa tenna li bi proġetti bħal dawn qegħdin nirriġeneraw is-settur edukattiv. L-investiment fil-qasam edukattiv huwa bla preċedent. Il-Ministru Clifton Grima sostna li dan huwa proġett state-of-the-art li bih l-istudenti ta’ din l-iskola għandhom l-aqwa ambjent fejn jistgħu jieħdu l-aqwa edukazzjoni possibbli. B’dan il-Gvern jemmen li l-edukaturi u l-istudenti tagħna jixirqilhom l-aħjar ambjent minn fejn jieħdu l-edukazzjoni tagħhom.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti Matthew Vella, il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Nikola Josephine Mifsud u l-Kap tal-Iskola Dorita Maniscalco.

Ekonomija

Sport