Monday, December 23, 2024

4,000 flixkun tax-xorb tal-plastik li jintuża darba biss qed jingħataw ħajja ġdida f’installazzjoni tal-arti massiva

Aqra wkoll

Din l-installazzjoni li turi il-wiċċ ta’ Kristu, inħolqot mill-artist ambjentali Malti Joseph Barbara sabiex titqajjem kuxjenza u titħeġġeġ azzjoni kontra l-iskart tal-plastik.

L-installazzjoni tal-arti se tkun qed tintwera għal tliet xhur u kienet magħmula minn fliexken tax-xorb riċiklati minn residenti jew miġbura f’attivitajiet ta’ tindif madwar Għawdex, organizzati mill-proġett Cast-Out imwaqqaf minn Jo Curtis, produttriċi televiżiva u maniġer tal-proġett Cast-Out, u immexxija bl-għajnuna tal-faċilitatur tal-kampanja Neil Purssey. Voluntiera  minn etajiet bejn 5 snin sa 76 sena ħadu sehem f’dan it-tindif li qed isir regolarment f’Għawdex.

L-inawgurazzjoni saret nhar il-Ġimgħa filgħaxija, b’xorti tajba mingħajr it-tempesta prevista biex dawk preżenti setgħu jgawdu l-vista drammatika ta’ din l-installazzjoni tal-arti unika f’Malta tinkixef fl-isfond tal-kampanja sabiħa Għawdxija. 

Il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri, il-fundatriċi tal-proġett Cast-Out Jo Curtis, l-artist Joseph Barbara, u l-Kap tal-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta Mario Sammut, ingħaqdu mas-sostenituri u l-parteċipanti tal-proġett għall-inawgurazzjoni.

“L-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta qed jappoġġja l-Proġett Cast-Out għaliex dan jirrifletti żewġ elementi li l-Parlament Ewropew għandu għal qalbu ħafna: spirtu komunitarju u l-impenn għal ambjent aħjar,” qal Dr Sammut. Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew ta ħarsa lejn il-politiki tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Plastik, inklużi l-projbizzjoni fuq il-plastik li jintuża darba biss, it-twaqqif tar-rimi tal-iskart tal-plastik f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ir-rekwiżit li l-plastik riċiklat jiġi integrat fil-fliexken tal-plastik, u l-ispinta lejn ekonomija ċirkolari.

Il-kampanja qed tiġi ffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex, u appoġġjata mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-Kampus ta’ Malta tal-Università Queen Mary ta’ Londra, u l-Fondazzjoni Melita, fost oħrajn. 

Ekonomija

Sport