Saturday, May 18, 2024

4,000 rapport ta’ negliġenza fuq tfal f’sentejn

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bejn l-2020 u l-2022, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri rċieva ‘l fuq minn 4,000 rapport relatati ma’ negliġenza fuq tfal. Sostna dan id-Direttur Steve Libreri f’konferenza stampa li fiha ta ħarsa lejn il-ħidma li wettaq id-Direttorat f’dawn l-aħħar sentejn, wara li daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri. 

Libreri qal li fl-imsemmi perjodu, id-Direttorat ħadem ma’ kważi 3,000 familja. Huwa nnota li ngħalqu b’suċċess 57% tal-każijiet li tressqu quddiemhom filwaqt li kien hemm 17% oħra li ma ġewx aċċettati. Huwa nnota li meta wieħed iqabbel l-2021 mas-sena ta’ qabel, isib li r-rapporti ta’ negliġenza fuq tfal kważi rduppjaw.

Waqt l-istess konferenza stampa, ġie spjegat ukoll li s-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal jinvestiga rapporti ta’ maltrattament fuq it-tfal. Dan jinkludu rapporti fuq; vjolenza fuq it-tfal, kuntatt sesswali ta’ kull tip, traskuraġni, abbuż emozzjonali u psikoloġiku u anke tfal li jaraw vjolenza domestika d-dar u fil-familji tagħhom. 

Dwar il-care orders, Libreri spjega li fil-perjodu inkwistjoni kien hemm 84 applikazzjoni. Tkellem ukoll dwar is-Servizz tal-Qrati, li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ assessjar għall-Qrati tal-Familja f’Malta u f’Għawdex, fejn qal li fl-aħħar sentejn ġew riferuti lid-Direttorat 188 każ, b’140 minnhom ġew magħluqa.

Huwa semma wkoll iċ-Children House li hi intiża biex isservi ta’ estensjoni tal-Qrati ta’ Malta meta jkun hemm il-ħtieġa li jagħtu x-xhieda tagħhom il-minuri. Qal li permezz ta’ din id-dar, it-tfal ikunu jistgħu jitkellmu f’ambjent aktar komdu u mingħajr tensjoni żejda.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon faħħar il-mod li bih qed topera ċ-Children’s House, fejn issa dan il-post qed jgħin lill-pulizija f’investigazzjonijiet li jsiru mal-minuri nfushom. Eventwalment, dawn il-proċeduri jintużaw waqt proċessi legali fil-Juvenile Court, filwaqt li l-filmati mill-interviews forensiċi jservu t’evidenza fil-Qorti Kriminali.

‘”Aħna fid-dmir li noħolqu soċjetà ġusta u ġustizzja soċjali fejn kull tifel u tifla jingħataw l-opportunità jgawdu minn ħajja sabiħa, aċċessibbli għall-edukazzjoni, u saħħa adegwata. Soċjetà b’saħħitha hija dik li toħloq ġenerazzjonijiet reżiljenti u li tagħraf tibni kwalitajiet sbieħ,” tenna l-Ministru Michael Falzon.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kap Eżekutttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti. 

Sport