Monday, December 23, 2024

4,000 siġra se jitħawlu grazzi għall-inizjattiva Islands Cleanup

Aqra wkoll

Aktar minn 4,000 siġra se jitħawlu grazzi għall-inizjattiva Islands Cleanup, immexxija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.

L-inizjattiva, parti mill-kampanja Saving Our Blue bl-appoġġ ta’ Project Green, ġabret flimkien madwar 500 voluntier minn 20 entità governattiva differenti, NGOs u kumpaniji privati. F’dawn l-aħħar xhur, flimkien ġabru ’l fuq minn 2,000 tunellata ta’ skart minn widien u tindif tal-bajjiet. Għalhekk, Project Green se jħawwel 2 siġar għal kull tunellata ta’ skart miġbur.

Fil-Jum Dinji tat-Tindif, diversi voluntiera ngħaqdu fi cleanups li ġew organizzati lbieraħ f’diversi postijiet, fosthom Dwejra Lines u Wied is-Sewda. Is-Sibt 9 ta’ Settembru, voluntiera ħadu sehem ukoll fi cleanup f’Għawdex.

L-inizjattiva Islands Cleanup għandha l-għan li żżid l-għarfien dwar l-importanza tal-preservazzjoni tal-widien, l-ekosistemi kostali u tal-baħar, u siti naturali oħra. L-għan huwa ukoll biex tħeġġeġ entitajiet governattivi, organizzazzjonijiet volontarji, u s-settur privat biex jipparteċipaw fl-isforz nazzjonali biex nippromwovu ambjent aktar ekoloġiku u nadif.

Il-materjal kollu mormi illegalment miġbur mis-siti jiġi sseparat fuq il-post skont ir-regolamenti tas-separazzjoni tal-iskart, u b’hekk jiġi żgurat ukoll li kull materjal riċiklabbli miġbur jiġi pproċessat ukoll għar-riċiklaġġ.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli rringrazzjat lill-voluntiera kollha talli pparteċipaw f’din il-kampanja ta’ tindif.

“Għal tliet snin konsekuttivi, din l-inizjattiva kienet ta’ suċċess fejn laqqgħet voluntiera biex inaddfu l-widien u l-bajjiet tagħna. Bħala gvern, se nkomplu naħdmu biex nippromwovu u nippreservaw spazji miftuħa, iżda jeħtieġ l-isforzi kollettivi ta’ kulħadd biex tinżamm l-indafa ta’ postijiet bħall-widien u l-bajjiet,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Proġett Green Steve Ellul qal, “Flimkien ingħaqadna ma’ miljuni ta’ voluntiera minn 197 pajjiż biex nikkommemoraw il-Jum Dinji tat-Tindif, għal pjaneta aktar nadifa.” Huwa enfasizza dwar l-ispirtu tal-involviment tal-komunità, u qal li n-nies qed jipparteċipaw b’mod attiv fi proġetti tal-komunità, sabiex flimkien ikomplu jtejbu l-ispazji ħodor.

Ekonomija

Sport