Sunday, April 28, 2024

43,000 m² ta’ art se jinbidlu fi spazju miftuħ għall-familji

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi żar il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali fejn bħalissa għaddej xogħol estensiv fiż-żona tal-kunċerti.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega kif din iż-żona li tikkonsisti f’art ta’ 43,000 m² se tkun qed tiġi trasformata fi spazju miftuħ fejn apparti li se tkun qed tintuża għall-kunċerti u avvenimenti kbar, se tkun qed tintuża bħala spazju ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha. Il-Ministru qal kif dan il-proġett, li se jiġi jiswa madwar €14-il miljun, jagħmel parti minn proġett ferm akbar li se jara r-riġenerazzjoni sħiħa taż-żona kollha ta’ Ta’ Qali.

Il-Perit Lorenz Buttigieg, responsabbli mid-disinn ta’ dan il-proġett, spjega f’aktar dettall fuq ix-xogħlijiet li qed isiru.

L-ispazju l-ġdid se joffri l-faċilitajiet kollha possibbli biex jistgħu jittellgħu attivitajiet tal-massa tal-ogħla livell, b’dawl innovattiv, teknoloġija moderna u sistema taħt l-art ta’ servizzi sanitarji. Iż-żona tal-kunċert se tkun mgħammra bi kiosks u bars u ż-żona kollha se tkun imħaddra permezz ta’ turf naturali.

Madwar 1,500 siġra u arbuxell ġodda se jitħawlu madwar dan is-sit u se jkun hemm ġibjun għall-ħażna tal-ilma tax-xita li se jintuża għat-tisqija tas-sit, inkluż it-turf naturali li se jinżera’ fuq l-ispazju kollu.

Sport