Thursday, March 28, 2024

“Irridu nkomplu naħdmu għal politika effettiva favur ir-reġjuni u l-gżejjer tagħna” 

Aqra wkoll

Fil-Ġimgħa Ewropea ddedikata għar-Reġjuni Innovattivi, il-MPE Josianne Cutajar ġiet magħżula bħala l-unika Membru Parlamentari Ewropew biex tindirizza konferenza dwar l-innovazzjoni fl-Ewropa fil-belt Franċiża ta’ Pariġi.    

L-għan ta’ din il-konferenza, li ġiet organizzata fl-Università Paris-Saclay taħt il-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, kien li titqajjem kuxjenza u jkun hemm diskussjoni dwar politika tal-innovazzjoni aktar b’saħħitha, politika li tilħaq ukoll il-gżejjer tagħna. Filwaqt li l-Ewropa tinsab pass lura minn kompetituri globali oħra, bħalma huma ċ-Ċina u l-Istati Uniti, hemm ħafna potenzjal f’dan is-settur hekk kif l-Ewropa  għandha sistema ta’ riċerka ta’ kwalità għolja. “Dak li rridu ntejbu huwa r-rabta bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni; il-mod kif nittraduċu r-riċerka, bi prodotti u servizzi fis-suq li mhux biss iwessgħu l-opportunitajiet ekonomiċi u jtejbu l-kompetittività tal-UE, iżda wkoll jgħinu biex insibu soluzzjonijiet għall-aktar sfidi urġenti tas-soċjetà, fost l-oħrajn fis-settur tal-kura tas-saħħa,” tenniet dan il-MPE Cutajar.   

Josianne Cutajar saħqet fuq il-ħtieġa li l-innovazzjoni, il-politika industrijali u l-iżvilupp reġjonali jimxu id f’id. Dan sabiex jiġi żgurat li nindirizzaw id-distakk li jeżisti bejn l-aktar reġjuni innovattivi, li normalment huma żoni urbani u ċentrali, u reġjuni oħra, normalment fil-periferija, li jiffaċċjaw ostakli fl-innovazzjoni.   

Sadanittant, bħala parti mill-ħidma tagħha fuq il-politika reġjonali, il-MPE Cutajar ġiet ukoll mistiedna biex tindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi fil-Periferija mill-Kummissjoni tal-Ġżejjer fil-gżira ta’ Gotland fi Sweden. Dan anke bħala Viċi Ċerpersin tal-Intergrupp SEArica kif ukoll bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti Ewropej fuq ir-rapport dwar il-Gżejjer u l-Politika Reġjonali, li jsejjaħ għall-Patt mill-Unjoni Ewropea mal-gżejjer tagħha.   

Hawnhekk, il-MPE Cutajar saħqet li għalkemm il-ġżejjer u ż-żoni remoti għandhom kulturi u prattiċi ekonomiċi differenti, xorta waħda jinsabu magħquda flimkien fl-isfidi komuni li jaffaċċjaw, b’mod speċjali dawk ġejjin mill-aspett tal-insularità minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom u spejjeż addizzjonali bħal fil-qasam tat-trasport.  

“Dawn l-isfidi għandhom jimlewna b’aktar kuraġġ sabiex nibqgħu naħdmu għal żvilupp sostenibbli tant bżonnjuż għal reġjuni remoti u ġżejjer fl-Unjoni Ewropea, fejn irridu nimbuttaw prijoritajiet speċifiċi bħalma huma t-trasport u l-mobilità, il-konnettività diġitali, in-negozji tagħna u t-turiżmu sostennibli” tenniet Dr Cutajar. 

Il-MPE Cutajar ikkonkludiet li bi sforzi konġunti mal-awtoritajiet lokali u l-imsieħba interessati u b’aktar ħidma ffukata, irridu nkomplu naraw li reġjuni marittimi u gżejjer li jinsabu fil-periferija jkunu aktar konnessi, ikomplu jiżviluppaw ekonomikament u javvanzaw fir-riżorsi teknoloġiċi u innovattivi tagħhom. Dan filwaqt li jiġu mgħejuna wkoll biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fil-qalbiet ambjentali u diġitali li rridu nagħmlu.  

Ekonomija

Sport