Monday, December 9, 2024

4,395 inċident tat-traffiku fit-3 kwart ta’ din is-sena

Kien hemm 5 inċidenti fatali

Aqra wkoll

Matul it-tielet kwart tal-2024 l-aċċidenti tat-traffiku żdiedu, filwaqt li l-persuni midrubin fihom naqsu meta mqabblin mal-istess perjodu tas-sena taʼ qabel. Kien hemm ħamest imwiet fl-aċċidenti tat-traffiku.

Dan intqal fi statisika li ġiet ippubblikat mill-NSO dwar l-inċidenti tat-traffiku li seħħew fit-tielet kwart ta’ din is-sena.

L-NSO jirraporta li l-għadd taʼ aċċidenti tat-traffiku rrappurtati tul it-tielet kwart tal-2024 laħaq l-4,395, li huwa żieda taʼ 1.0% fuq l-istess żmien tal-2023. L-akbar numru taʼ aċċidenti kienu rreġistrati fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,506 każijiet jew 34.3 fil-mija tal-aċċidenti kollha.

It-tidrib fl-aċċidenti tat-traffiku naqas bʼ9.1% sabiex niżel għal 388 meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2023. Il-persuni midrubin gravi ammontaw għal 97 u kienu jinvolvu 62 sewwieq, 12-il passiġġier u 23 persuna miexja/bir-rota/oħrajn. Il-ġrieħi mġarrbin minn tliet sewwieqa, passiġġier u persuna miexja kienu fatali. Bʼhekk, l-għadd taʼ mwiet fl-aċċidenti tat-traffiku żdied bʼerbgħa fuq l-istess perjodu tal-2023.

L-akbar għadd taʼ dawk li ndarbu gravi kienu rġiel – 70.1%. Barra minn hekk, il-persuni li mietu fʼaċċidenti tat-traffiku kienu tliet rġiel u żewġ nisa. 37.9% tat-tidrib kien jinvolvi persuni taʼ bejn is-26 u l-40 sena.

L-NSO fl-istatistika tiegħu jgħid li l-akbar għadd taʼ tidrib mill-aċċidenti tat-traffiku – 48.5% kien jinvolvi karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom, ġew dawk li kienu jinvolvu l-muturi – 38.9% u l-vetturi tal-ġarr tal-merkanzija – 5.2%.

Il-fatalitajiet li seħħew fʼaċċidenti tat-traffiku involvew sewwieq li ħabat maʼ vettura oħra, żewġ sewwieqa u passiġġier li ħabtu maʼ proprjetà u persuna miexja li ntlaqtet minn vettura. L-għadd taʼ ċiklisti li kienu involuti fʼaċċidenti tat-traffiku laħaq tmienja, bʼwieħed minnhom iġarrab ġrieħi gravi, sitta jindarbu ħafif u wieħed iġarrab ġrieħi insinifikanti. It-tidrib ikkaġunat minn ħbit bejn vetturi kien l-aktar tip taʼ tidrib komuni; 67.0% tat-tidrib kollu li seħħ f’dawn l-aċċidenti tat-traffiku.

L-NSO jirraporta wkoll li l-akbar għadd taʼ tidrib mill-aċċidenti tat-traffiku ġara fil-jum tal-Ħamis bʼ71 tidriba, filwaqt li l-akbar għadd taʼ aċċidenti ġara fil-jum tat-Tnejn bʼ709 każijiet jew 16.1 fil-mija tat-total. Il-maġġoranza tal-aċċidenti tat-traffiku seħħew bejn 12:00 u 14:59 bʼ1,055 każ jew 24.0 fil-mija tat-total; segwiti minn dawk li ġraw bejn 09:00 u 11:59 bʼ990 każ. L-inqas għadd taʼ aċċidenti ġraw bejn 03:00 u 05:59 bi 63 każ.

L-ogħla inċidenza tʼaċċidenti tat-traffiku kienet irreġistrata fʼBirkirkara bʼ281 każ, segwita minn Ħal Qormi u San Pawl Il-Baħar, bʼ273 u bʼ261 każ rispettivament.

Il-Fontana, Ix-Xgħajra u San Lawrenz irreġistraw anqas minn ħames aċċidenti tat-traffiku.

“Meta mqabblin mal-istess żmien tas-sena taʼ qabel, id-distretti kollha rrapurtaw tnaqqis fl-aċċidenti tat-traffiku barra mid-distretti tan-Nofsinhar tal-Port u tax-Xlokk, li rrapportaw żieda. Id-distrett tax-Xlokk irreġistra l-ogħla żieda fil-persentaġġ tal-aċċidenti tat-traffiku bi 13.7%, filwaqt li d-distrett taʼ Għawdex u Kemmuna rreġistra l-ogħla tnaqqis fil-persentaġġ bʼ6.0% itemm tgħid l-istatistika tal-NSO.

Ekonomija

Sport