Monday, December 9, 2024

IL-BOV JIRREĠISTRA QLIGĦ QABEL IT-TAXXA TA’ €223.7 MILJUN

Aqra wkoll

Il-Grupp Bank of Valletta għadu kif ħabbar prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha u sostnuta għall-ewwel disa’ xhur tas-sena, sa Settembru 2024, bi profitt qabel it-taxxa ta’ €223.7 miljun, żieda ta’ 36.9% fuq l-istess perjodu matul is-sena li għaddiet. Din il-prestazzjoni pożittiva hija riżultat tal-espansjoni kontinwa fil-portafoll tas-self, il-ħidma biex jitjieb u jiġi diversifikat id-dħul nett mill-kummissjonijiet u tariffi, kif ukoll l-iffukar kontinwu tal-Bank fuq l-istrateġija tal-ottimizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ.

Id-Dħul mill-Operat tal-Grupp żdied minn €315.9 miljun għal €359.2 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023. Dan jirrifletti żieda ta’ 14.5% fid-Dħul Nett mill-Imgħax u 5.4% żieda fid-Dħul Nett mit-Tariffi u l-Kummissjonijiet fuq l-istess perjodu fl-2023. Il-portafoll tal-kreditu wera wkoll tkabbir konsistenti li rriżulta f’żieda ta’ 9.1%, primarjament attribwit għal tkabbir sostnut fl-oqsma kollha tan-negozju, inkluż self kummerċjali, self għad-djar u self personali. Il-prestazzjoni pożittiva kienet mifruxa wkoll min-naħa tal-kwalità tal-assi, fejn il-proporzjon ġenerali ta’ skoperturi li ma jrendux naqas għal 2.8% tal-bilanċi totali, meta mqabbel ma’ 3.1% f’Diċembru 2023.

Il-ktieb tal-investimenti żamm ix-xejra ‘l fuq u żdied għal €5.9 biljun, riżultat tax-xiri ta’ strumenti ta’ kwalità għolja li ġġenera dħul mill-imgħax ta’ €92 miljun fuq il-perjodu ta’ disa’ xhur li qed jiġi analizzat. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-investimenti huma mkejla fuq spejjeż amortizzati, li jallinjaw mal-mudell tan-negozju tal-Bank li jżomm l-investiment sad-data tal-maturità bil-għan li jiġbor id-dħul mill-imgħaxijiet. Id-depożiti tal-klijenti żdiedu b’1% sa mill-bidu tas-sena, liema żieda ġiet reġistrata sew minn klijenti personali kif ukoll dawk kummerċjali.

Meta jiġu esklużi spejjeż marbuta mal-istrateġija, l-ispejjeż tal-operat esperjenzaw żieda ta’ 4.0% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023. Dan jallinja mal-isforzi tal-Grupp li jipprijoritizza t-talent, il-kumpens u l-benefiċċji, l-avvanzi teknoloġiċi u l-konformità regolatorja. F’dan il-kuntest, l-effiċjenza operattiva tkompli tattira livell għoli ta’ importanza bil-proprzjon ta’ spejjeż għad-dħul iżomm f’rata ta’ 42.1%, 4% inqas mir-rata 46.1% miksuba fl-istess perjodu fl-2023, xprunat mill-immaniġġjar tal-ispejjeż u minn inizjattivi ta’ eċċellenza fl-akkwisti.

Il-likwidità tal-Grupp baqgħet ferm ogħla mill-minimu rekwiżit regolatorju, u bl-istess mod il-proporzjon tal-kapital tal-Grupp. Ir-Redditu fuq l-Ekwità Medja qabel it-taxxa rreġistra 22.5%, li jirrappreżenta titjib ta’ bejn wieħed u ieħor 3.8% fuq l-ammont ekwivalenti reġistrat fl-istess perjodu s-sena li għaddiet. Il-valur nett tal-assi għal kull sehem sa tmiem it-tielet kwart tal-2024 kien ta’ €2.4 għal kull sehem, meta mqabbel ma’ €2.2 għal kull sehem sa Diċembru 2023.

 
Insostnu x-xejra pożittiva li qabad il-BOV – Dr Gordon Corina, Chairman

Iċ-Chairman tal-Bank, Dr Gordon Cordina esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-prestazzjoni sostnuta tal-Bank. Huwa saħaq li “Il-Bank of Valletta ilu għal dawn l-aħħar xhur, għaddej minn perjodu pożittiv. Adottajna strateġiji li jassiguraw tkabbir sostnut fl-oqsma ewlenin tan-negozju, saħħaħna l-qagħda tal-karta tal-bilanċ, amministrajna l-ispejjeż, tejjibna l-effiċjenza operattiva waqt li bqajna niffukaw fuq il-klijent u fuq it-tkabbir sostenibbli. Dawn ir-riżultati jsegwu l-aħbar tad-dikjarazzjoni ta’ dividend interim ta’ €0.0924 gross għal kull sehem, kif ukoll il-ħruġ ta’ €100 miljun f’bonds b’5% subordinati mhux garantiti, li għalqu fi żmien jumejn mill-ħruġ minħabba r-rispons qawwi mill-investituri.”

Meta tkellem dwar il-qagħda ekonomika, Dr Cordina kkummenta li “L-aħħar statistika ekonomika u t-tbassir jippuntaw lejn kundizzjonijiet relattivament favorevoli f’kunest lokali, b’effetti pożittivi fuq l-inizjattivi ta’ żvilupp kummerċjali tal-Bank u l-kwalità tal-assi tiegħu. Meta nħarsu ‘l quddiem, il-Bank għandu jkompli jsostni t-tkabbir ekonomiku f’kuntest ta’ żvilupp iktar wiesgħa li jkabbar il-produttività u l-investiment f’dimensjonijiet tal-ESG, li huma fundamentali għan-negozju kompetittiv fuq perjodu fit-tul għall-kwalità tal-kreditu.”

 
Riżultati Finanzjarji u Operattivi b’Saħħithom – Kenneth Farrugia 

Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia kkummenta li “Dawn ir-riżultati jirriflettu l-isforzi tal-Bank li jkompli jikber u jipprogressa b’mod sostnut. Komplejna ninvestu fit-teknoloġija, il-proċess ta’ ri-inġinerija tan-negozju u fuq kollox, l-esperjenza tal-klijent bħala parti mill-istrateġija ta’ trasformazzjoni fuq perjodu medju sa twil. Il-BOV rreġistra wkoll progress konsiderevoli fil-qasam tal-ESG, fejn issettjajna miri ambizzjużi li jitnaqqsu l-emissjonijiet, nallinjaw ma’ standards moderni ta’ rappurtaġġ u nkunu minn ta’ quddiem biex ninfluwenzzaw negozji lokali fit-tranżizzjoni lejn miżuri favur l-ambjent. F’dan ir-rigward ukoll konna attivi billi nedejna prodotti ekoloġiċi għall-klijenti personali, fosthom permezz tal-Green Home First u l-Green Home Plus fis-settur tas-self għad-djar.

Meta nħarsu ‘l quddiem, il-Bank jibqa’ kommess li nadattaw in-negozju tagħna u l-mudell operattiv skont dinamiċi tas-suq, inkomplu l-innovazzjoni fost il-prodotti u s-servizzi kollha li noffru kif ukoll fil-proċessi tagħna, waqt li nrawmu kultura dwar servizz ta’ eċċellenza fost l-organizzazzjoni kollha. Dawn l-inizjattivi se jippermettu lill-Bank isaħħaħ l-enfasi tiegħu fuq il-valur tal-partijiet interessati, iċ-ċentriċità tal-klijent u l-effiċjenza operattiva, waqt li bl-istess mod isostni l-prestazzjoni tiegħu fis-snin li ġejjin.”

Iċ-Chairman Dr Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia rringrazzjaw lill-klijenti, l-azzjonisti u lill-impjegati għall-appoġġ kontinwu, u l-impenn lejn il-Bank hekk kif ikompli jsostni l-ekonomija Maltija u jfittex li jikseb l-għan aħħari li jkun il-Bank tal-għażla u l-post tax-xogħol preferut f’Malta.

Ekonomija

Sport