Waħda mill-kisbiet ewlenin tal-General Workers’ Union mal-milja tas-snin kienet it-twaqqif tal-monument b’ġieħ xieraq lill-ħaddiema u lid-dinjità tax-xogħol. Il-monument kien ilu ħolma għall-GWU li twettqet bħal-lum 45 sena ilu meta dan ġie inawgurat fl-Imsida, fil-post proprju li fih twaqqfet l-unjin fil-5 ta’ Ottubru 1943.
Dan il-monument, li kien inħadem mill-iskultur Anton Agius, jigglorifika l-iprem riżorsa li għandu pajjiżna: il-ħaddiem. Huwa bil-ħidma tal-ħaddiema li pajjiżna qiegħed jagħmel tant progress u jimxi ’l quddiem fit-triq tal-iżvilupp f’kull lat tal-ħajja.
Biex sar dan il-monument, mhux biss kien meħtieġ xogħol kbir, imma wkoll kienu maħtieġa ħafna flus. Dawn il-flus il-GWU ġabrithom permezz ta’ kampanja kbira li hija għamlet. Ġabrithom permezz ta’ donazzjonijiet li sarulha, permezz ta’ attivitajiet li organizzat u permezz ta’ diversi mezzi oħrajn.
Kien hemm individwi privati minn kull qasam tal-ħajja li taw il-kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħhom. Min ta ħafna u min ta ftit – kulħadd skont il-mezzi tiegħu. Għadd kbir ta’ ħaddiema f’kull xorta ta’ qasam tax-xogħol għamlu ġabriet bejniethom.
Saru wkoll għotjiet ta’ flus minn diversi għaqdiet u każini ta’ kull xorta, fosthom każini tal-Malta Labour Party. Iżda l-akbar attività li saret għall-ġbir ta’ flus u wkoll l-aktar waħda li ħalliet qligħ kienet il-Lotterija Speċjali li saret fl-1976/77.
Il-GWU għamlet dan il-monument l-ewwel u qabel kollox sabiex iservi ta’ dawl qawwi għall-ħaddiema tal-lum u għall-ħaddiema li għad iridu jiġu. Dawl qawwi, li kif kien qal l-eks President tal-GWU Joe Borg, jaspira kuraġġ, determinazzjoni u ħeġġa għax-xogħol u biex permezz tal-istess xogħol niġġieldu kontra l-problemi li jinqalgħulna minn żmien għal żmien.
Il-mibki Lorry Sant, li kien Ministru tax-Xogħlijiet u Sport fil-Gvernijiet Laburisti mmexxija minn Dom Mintoff, kien ukoll fakkar din il-ġrajja daqstant importanti fejn f’waħda mill-kitbiet tiegħu kien qal li jħossu ferħan għaliex b’dan il-monument qiegħed jingħata ġieħ tant mistħoqq u xieraq lill-ħaddiema Maltin.
“Huwa bix-xogħol u bil-bżulija tagħhom, u bit-tmexxija għaqlija tal-Gvern Soċjalista flimkien mal-GWU, li Malta tinsab ħielsa għalkollox u miexja ’l quddiem fit-triq tal-progress industrijali, ekonomiku u soċjali,” kien stqarr l-eks Ministru Lorry Sant.
Kien f’Jannar tal-1975 meta huwa kien ġie avviċinat minn delegazzjoni tal-GWU fejn qalulu bix-xewqa tagħhom li jsir monument biex jagħti ġieħ lill-ħaddiem Malti, u l-ħsieb tagħhom kien li dan isir fil-Belt Valletta (Misraħ il-Ħelsien). Huwa kien qabel li kellu jsir dan il-monument iżda ssuġġerielhom li jkun aktar xieraq li jsir fil-pjazza tal-Imsida għaliex hemmhekk f’dak il-post twieldet formalment il-GWU waqt Mass Meeting li kien sar fil-jum tal-5 t’Ottubru, 1943.
“Sħabi tal-GWU qablu miegħi mill-ewwel u aċċettaw is-suġġeriment li kont għamiltilhom u b’hekk il-Monument lill-Ħaddiem ġie mqiegħed fil-post xieraq li llum jinsab fih,” kien kiteb l-eks Ministru Lorry Sant, li kien ukoll serva fil-unjin għal kważi 12-il sena bħala Segretarju tat-Taqsima u Metall.