Il-Gvern, permezz ta’ Enemalta, kompla jinvesti b’mod sħiħ fin-network nazzjonali tal-elettriku, billi kkummissjona 47 substation ġdida fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena u b’hekk diġà nqabżu l-miri ta’ din is-sena.
Dan l-investiment huwa parti ċentrali mill-istrateġija tal-Gvern biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar Malta u Għawdex, sabiex is-sistema tibqa’ affidabbli, reżiljenti u kapaċi tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, akkumpanjata miċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Inġ. Ryan Fava, żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin f’Ħal Għaxaq, fejn bħalissa qed tiġi kkummissjonata substation ġdida. Dan il-proġett se jtejjeb il-kwalità tas-servizz għall-klijenti taż-żona, billi jnaqqas il-possibbiltà ta’ qtugħ ta’ dawl u jsaħħaħ l-istabbiltà tal-provvista.
“Dawn l-investimenti jirriflettu l-viżjoni tagħna fit-tul għal network tal-elettriku aktar b’saħħtu u reżiljenti. Billi nkabbru u nimmodernizzaw l-infrastruttura qed intejbu l-kwalità tas-servizz għall-familji u n-negozji tal-lum, waqt li npoġġu l-pedamenti biex nilħqu l-isfidi ta’ għada, fosthom l-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinnovabbli. Dan ix-xogħol jiżgura li s-sistema tal-enerġija ta’ Malta tibqa’ affidabbli, sostenibbli u lesta għall-futur,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Dawn is-substations għandhom rwol kruċjali fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Biż-żieda ta’ aktar substations f’lokalitajiet differenti, l-Enemalta qed ittejjeb l-effiċjenza u toħloq aktar flessibilità fin-network.
Is-substations il-ġodda kkummissjonati din is-sena huma parti minn programm usa’ ta’ investiment. Enemalta qed taħdem ukoll fuq diversi proġetti ewlenin biex timmodernizza u tespandi n-network, fosthom il-bini ta’ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi, l-irduppjar tal-kapaċità taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Imsida, it-tkabbir fil-kapaċità ta’ St Andrew’s u wkoll l-estensjoni tal-iswitchgear fil-Mosta. Dawn iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni se jservu bħala ċentri ewlenin, li jippermettu sistema aktar flessibbli u jipprovdu l-kapaċità meħtieġa biex jissapportjaw il-bżonnijiet tal-enerġija ta’ Malta fil-futur.
Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Inġ. Ryan Fava saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-proġetti: “Il-prijorità tagħna hija li nipprovdu servizz li l-klijenti tagħna jistgħu jistrieħu fuqu – mhux biss illum, iżda wkoll fis-snin li ġejjin. Billi nikkummissjonaw substations ġodda u nibnu ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda, qed nagħmlu n-network aktar robust u reżiljenti. Aħna impenjati li niżguraw li l-Enemalta tkompli tipprovdi provvista tal-elettriku affidabbli, sigura u sostenibbli għall-pajjiż.”
L-Enemalta se tkompli twettaq proġetti li jsaħħu r-reżiljenza tan-network nazzjonali, u b’hekk issaħħaħ il-missjoni tagħha li tipprovdi lill-klijenti servizz ta’ elettriku aktar sigur, affidabbli u sostenibbli, filwaqt li tappoġġja l-istrateġija fit-tul ta’ Malta fl-enerġija.