Monday, December 9, 2024

5 snin ħabs talli wettaq sitt hold-ups f’ġimgħa fl-2020

Aqra wkoll

Allister Camilleri ta’ 43 sena residenti l-Marsa ġie kkundannat 5 snin ħabs wara li nstab ħati li fl-2020 kien wettaq sitt hold-ups.

Camilleri kien akkużat b’27 akkuża differenti fosthom li wettaq hold-ups minn ħwienet fl-Iklin u f’Ħal Qormi, minn żewġ lukandi f’Tas-Sliema, lukanda oħra fil-Gżira, ipprova jisraq mara qrib ATM f’Ħal Qormi u seraq karozza minn għalqa f’Ħal Qormi wkoll.

Kien akkużat ukoll li fil-pussess tiegħu kellu sikkina, li żamm persuni kontra l-volontà tagħhom u saq il-karozza tiegħu bla liċenzja.

Għal dawn l-akkużi Camilleri kien wieġeb mhux ħati.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li Camilleri kien jhedded lill-vittmi tiegħu waqt il-hold ups tant li anke kien jheddidhom li joqtolhom. Kien hemm każ fejn hedded persuna li kellu bomba f’kaxxa tal-kartun.

Waħda mill-vittmi ta’ Camilleri qalet li waqt li kienet qiegħda tiġbed il-flus mill-ATM f’Ħal Qorti kien resaq lejha raġel li kellu wiċċu mgħotti. Hu kien poġġa kaxxa tal-kartun mal-art u heddidha li jekk ma tiġbidx €500 kie se jisplodi dik il-kaxxa. Hu kien jagħmel dan biex isostni l-vizzju tad-droga.

Meta l-mara infurmatu li ma kellhiex €500, hi resqet mal-ġenb u ħallietu jipprova jiġbed il-flus. Iżda meta r-raġel lanqas seta’ jiġbed €150 mill-ATM, hu qabad il-kaxxa u telaq ‘il barra.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma kienx hemm dubju li Camilleri kien wettaq dan is-serq kollu. Hu nstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu għal ħelsien mill-arrest li kien ingħata dwar każ ieħor.

Il-Maġistrat qalet li Camilleri għandu l-vizzju tad-droga u kien diġà ngħata sentenza ta’ ħabs bl-2010, iżda “minn dakinhar hu xorta baqa’ ma tgħallem xejn.”

Hu nstab ħati tal-maġġoranza tal-akkużi mressqin kontrih u ġie kkundannat ħames snin ħabs kif ukoll multa ta’ €8,454 fi spejjeż tal-Qorti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport