Monday, December 9, 2024

Viżjoni – Kwalità Malta 2050

Victor Carachi, President, General Workers’ Union

Aqra wkoll

It-tnedija ta’ Viżjoni ġdida għal Malta – Kwalità Malta 2050 – mill-Onor. Ministru Silvio Schembri, imħabbra lill-imsieħba soċjali f’laqgħa speċjali tal-MCESD, tiftaħ kapitlu ġdid għat-tisħih nazzjonali tagħna. Kif saħaq il-Ministru, din hi viżjoni mhux għall-Gvern biss iżda għan-nazzjon kollu, u għalhekk għandhom jipparteċipaw fil-proċess l-imsieħba soċjali kollha, nkluża l-Oppożizzjoni. Il-GWU hija kburija ħafna li kienet fuq quddiem nett li pproponiet Viżjoni u Pjan Strateġiku ħolistiku għal Malta għall-ewwel darba fl-2008.

Issa rridu nieħdu rendikont tas-sitwazzjoni attwali, il-kisbiet u l-isfidi li qed niffaċċjaw bħalissa biex jiġu nklużi fil-mission statement. B’hekk inkunu nafu l-punt tat-tluq. Imbagħad hemm bżonn isir Pjan strateġiku ħolistiku biex mill-punt tat-tluq (mission statement) isseħħ it-trasformazzjoni meħtieġa, bi tragwardi, biex naslu għall-‘Viżjoni’ tagħna – ‘Kwalità Malta’ sal-2050. Għal kwalità ta’ ħajja fost l-aqwa fl-Ewropa u lil hinn.

Dan jeħtieġ dixxiplina, impenn, perseveranza u kontinwità. U hu proprju għalhekk li l-imsieħba soċjali kollha, nkluża l-Oppożizzjoni, jeħtieġ li jiġu kkonsultati. Dan huwa l-uniku mod biex l-implimentazzjoni ta’ din il-Viżjoni timxi ‘l quddiem: il-konsultazzjoni hija ingredjent naturali għas-suċċess, u tiggarantixxi li l-Gvern, l-imsieħba soċjali u l-Oppożizzjoni jkunu parteċipi bl-istess mod. Tiggarantixxi kontinwità jekk isseħħ bidla fil-gvern fil-futur.

Ladarba jkun hemm qbil wiesa’ dwar il-Pjan Strateġiku ħolistiku, se jkun hemm bżonn li jiġu stabbiliti miri, hekk imsejħa Key Performance Indicators (KPIs) fuq il-Ministeri tal-Gvern, li mbagħad jibqgħu neżlin għad-dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi, jista’ jkun ukoll imsieħba soċjali. Dawn il-KPIs jidhru fil-business plans ta’ kull entità pubblika, dipartiment tal-Gvern jew awtorità. Possibilment anke fil-business plans tan-negozji u l-NGOs, peress li din il-Viżjoni teħtieġ li l-pajjiż kollu jħossu parti minnha.

Din il-Viżjoni u l-Pjan Strateġiku ħolistiku għandhom ikunu fiċ-ċentru, u l-baġit nazzjonali se jkun l-għodda annwali biex jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-KPIs stabbiliti għal dik is-sena.

Huwa tassew żmien interessanti ħafna għal pajjiżna, u l-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-imsieħba soċjali kollha għandhom jagħmluha l-missjoni tagħhom li jassiguraw li nibdew dan il-proċess bil-koperazzjoni ta’ kulħadd. Kulħadd għandu jagħmel dak kollu possibli biex dan il-proċess ikun suċċess għal uliedna u ulied uliedna.

Ma nistgħux inħallu l-politika partiġġjana tfixkel dan il-proċess hekk kif l-arloġġ qed itektek fejn jidħlu t-tibdil fil-klima flimkien ma’ sfidi oħra!

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport