Monday, December 9, 2024

Il-popolazzjoni kibret iżda għandna nuqqas ta’ impjegati…?!

Aqra wkoll

Stħarriġ li ħareġ miċ-Chamber of SMEs enfasizza li waħda mill-problemi ewlenin li qed jiffaċċja l-pajjiż hija l-popolazzjoni żejda. Madankollu l-isfida ewlenija li jiffaċċjaw in-negozji tagħhom hija n-nuqqas ta’ impjegati, tħassib kontradittorju fih innifsu, sintomu ta’ poplu li ma jafx x’irid. Tista’ tqabbilha ma’ sintomu ta’ tifel żgħir li għandu kollox, iżda xorta waħda jibqa’ jgerger u jsabbat saqajh, għalkemm ma jafx x’irid.

Irridu nibdew mill-punt li f’dawn l-aħħar għaxar snin l-ekonomija rduppjat u dan iwassal għal bżonn ta’ aktar nies jaħdmu. Il-popolazzjoni Maltija dejjem qed tonqos hekk kif it-twelid qed dejjem jonqos ukoll. Dan ma jħallilek l-ebda għażla oħra ħlief li jkollok ħaddiema barranin f’pajjiżek.

Il-popolazzjoni f’pajjiżna, minbarra bil-ħaddiema barranin kemm minn pajjiżi terzi kif ukoll mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, kibret ukoll bil-barranin irtirati, li għażlu lil Malta biex jiġu jgħixu fiha. Apparti l-ammonti kbar ta’ turisti li jżuru pajjiżna.

Qed ngħid dan għax sfortunatament donna daħlet din in-narrattiva, li dak kollu negattiv li jseħħ f’pajjiżna huwa tort tal-barranin. Tisma’ lil min igergirlek fuq popolazzjoni żejda, imbagħad tarah jikri l-appartamenti tiegħu lill-barranin, għandek min igergirlek fuq il-popolazzjoni żejda, imbagħad għandu persuna barranija li tmur tgħinu fix-xogħol tad-dar, jew persuna barranija li taħdem carer mal-ġenituri tiegħu. Oħrajn iwaħħlu l-problema tat-traffiku fil-barranin, iżda mbagħad ma jużawx it-trasport pubbliku huma stess biex inaqqsu mill-ammont ta’ karozzi fit-toroq. Oħrajn igergru għax jaraw il-barranin jużaw it-trasport pubbliku, iżda xi ngħidu li kieku dawn jibdew jużaw il-karozzi personali tagħhom huma wkoll? Kieku x’jiġri?

Li nafu żgur hu li meta t-tfal ikollhom xi ġranet vaganzi mill-iskola jew matul is-sajf, il-problema tat-traffiku tonqos ħafna. Jekk taħseb ftit tirrealizza li l-maġġoranza tat-tfal tal-iskola mhumiex tal-barranin li jaħdmu f’pajjiżna, għax ħafna minnhom m’għandhomx il-familja fostna. Iżda tal-Maltin, li mdorrijin imorru kullimkien bil-karozza personali tagħhom.

U xi ngħidu meta l-Gvern illimita l-ammont ta’ ħaddiema xufiera tal-Y plates. Min tisimgħu jgerger għax għolew il-prezzijiet tax-xufiera, min igerger għax qed idum jistenna aktar id-delivery tal-ikel…

Allura, jekk mhux se naffaċċjaw il-problema vera m’aħniex se naslu għas-soluzzjonijiet. Jekk mhux se niddeċiedu x’irridu mhux se naslu.

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi dan l-aħħar ħareġ b’numru ta’ miżuri li se jibdew jittieħdu biex inaqqsu mit-traffiku. Madankollu, irridu nifhmu li ma nistgħux nippretendu kollox mill-Gvern.

Il-General Workers’ Union ilha tisħaq li waħda mill-aħjar soluzzjonijiet hija li ħafna jerġgħu jdaħħlu r-remote u l-home working, hekk kif għalkemm fi żmien il-pandemija ħadmet tajjeb ħafna, wara li għaddiet il-pandemija ħafna talbu biex il-ħaddiema jerġgħu jibdew jaħdmu kollha minn fuq il-post tax-xogħol.

Soluzzjoni oħra proposta mill-GWU hi li jeżistu ċerti żoni industrijali fejn jeħtieġ li numru ta’ fabbriki b’konċentrazzjonijiet kbar ta’ ħaddiema, jaħdmu flimkien mal-unjins biex immorru lura għat-trasport tal-massa.

Li tikkritika huwa tajjeb iżda tikkritika b’mod kostruttiv u jekk jista’ jkun toħroġ ukoll bis-soluzzjonijiet. Nikkritikaw li hawn popolazzjoni żejda iżda mbagħad wieħed hawnhekk jistaqsi, lil min se nnaqqsu? Liema ħaddiema qegħdin żejda?

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport