Malta ċċelebrat il-ħamsin anniversarju mill-kisba tar-Repubblika l-Ġimgħa filgħaxija permezz ta’ spettaklu awdjoviżiv fi Pjazza San Ġorġ ‘L-Istorja, Aħna’. Il-faċċata tal-Palazz tal-President serviet bħala tila moderna li rrakkuntat l-istorja ta’ pajjiżna. Il-qofol intlaħaq bl-immarkar tal-kisba tar-Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974.
F’din l-okkażjoni sabiħa saru diskorsi mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.
Il-President irreferiet għat-titlu taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena, l-Istorja, Aħna, li jinkludi fih lilna lkoll u l-istorja li lesti niktbu għal Malta tal-ġejjieni.
Il-ħamsin sena anniversarju jrid iservi biex nagħtu ġieħ lil dawk ta’ qabilna u s-sagrifiċċji li għamlu biex wasalna fejn wasalna llum. Iżda jservi wkoll biex naraw fejn aħna llum u x’lesti li nagħmlu għal dawk li ġejjin warajna.
Il-President qalet illi l-isfidi soċjali u dawk internazzjonali ma jonqsux, u sta għalina li naraw kif nilqgħu għalihom b’mod li jixraq. Irreferiet għan-nuqqasijiet materjali, l-esklużjoni soċjali, l-ambjent, l-iżvilupp, it-tniġġis fl-arja, l-effetti tal-pandemija, u ż-żieda fil-popolazzjoni bħala sfidi relevanti u preżenti u li jinkwetaw lil bosta, speċjalment liż-żgħażagħ tagħna.
Kompliet tistqarr illi għarafna, b’mod għaqli, indawru l-isfidi f’opportunitajiet sabiex nużaw ir-riżorsi tagħna biex inħallu l-marka tagħna fuq livell internazzjonali. Iżda bħalma wrejna fil-passat, jekk naħdmu favur id-djalogu u l-kollettività, naslu biex negħlbu dawn l-ostakli.
Il-President Myriam Spiteri Debono għalqet id-diskors tagħha billi ħeġġet sabiex ilkoll flimkien naħilfu li nkomplu bil-mixja ta’ Malta tagħna, għall-ġid ta’ wliedna u ta’ wlied uliedna, u kull wieħed u waħda minna jgħolli u jżomm ’il fuq isem Malta tagħna.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li pajjiżna qed jiċċelebra l-pedament tiegħu, pedament li fuqu se nibnu futur sabiħ għall-poplu. Huwa sellem lil dawk kollha li ħadmu qatigħ biex pajjiżna għamel kisbiet favur is-sovranità tiegħu. Fisser ir-Repubblika bħala kisba kbira li għamel il-poplu Malti u f’dawn il-ħamsin sena sawwarna l-identità Maltija li hi magħmula minn valuri b’saħħithom tal-familja. “L-ebda poplu ma jista’ jinsa minn fejn ġie. Is-sens ta’ identità jrid jasal ukoll għand il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” saħaq il-Prim Ministru hu u jfisser l-importanza li ngħaddu l-istorja u l-identità tagħna lil uliedna u lill-ġenerazzjonijiet futuri. Hawn semma fuq kollox il-lingwa unika tagħna.
Dr Abela semma li l-bażi tas-sovranità ta’ pajjiżna hi l-ħila li għandu dan il-pajjiż li jfendi ekonomikament. Qal li huwa biss bl-għaqda, bix-xogħol u l-identità li nistgħu nieħdu lil din ir-Repubblika fil-ħamsin sena li ġejjin. Semma kif irridu nagħmlu aktar riformi fid-demokrazija tagħna u niffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies f’pajjiżna. “Irridu li naraw lil pajjiżna fuq quddiem tat-trasformazzjoni għall-enerġija l-ħadra, fil-qalba diġitali, li jiċċelebra l-arti u jiftaħar bl-espressjonijiet tal-artisti tiegħu,” qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jisħaq li fiċ-ċelebrazzjoni ta’ 50 sena ta’ Malta Repubblika, il-poplu qed iġedded il-ħolma tiegħu li għada jkun aħjar mil-lum.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kif din il-ġurnata mhux biss timmarka anniversarju importanti imma wkoll it-triq li mxejna magħqudin bħala poplu, il-veru forza kienet u tibqa’ l-poplu Malti u Għawdxi. Minn dawk il-mumenti ta’ għażliet kbar, sal-lum, kull pass ’il quddiem kien possibbli bil-ħidma bla waqfien ta’ kull wieħed u waħda minna.
“Dan huwa mument mhux biss biex niċċelebraw dak li ksibna, iżda wkoll biex naraw kif nistgħu nkomplu nibnu fuq din il-wirt storiku straordinarju. Flimkien, nistgħu nindirizzaw kull sfida u nkomplu nsaħħu l-kisbiet tagħna għal Malta li tassew tagħmel ġieħ lil uliedna u nwettqu t-triq għall-ħamsin sena li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Dan l-ispettaklu organizzat mill-Gvern ta’ Malta permezz ta’ Festivals Malta u mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali involva aktar minn 400 persuna jaħdmu fuq produzzjoni artistika mill-isbaħ.