Friday, November 15, 2024

50 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi b’saħħithom bejn Malta u ċ-Ċina

Aqra wkoll

L-2022 hija s-sena li matulha Malta qed tikkommemora l-50 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi maċ-Ċina. Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt attività mtella’ mill-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina flimkien mal-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta Yu Dunhai.

Il-Ministru Ian Borg spjega kif matul dawn l-aħħar ħames deċennji, iż-żewġ pajjiżi ffirmaw aktar minn 60 ftehim li jħarsu lejn setturi differenti. “Dan juri id-dinamiżmu, il-koperazzjoni u r-rispett reċiproku li jeżisti bejn iż-żewġ pajjiżi u li jservi ta’ eżempju għall-fatt li d-daqs u d-distanza ġeografika ma jservux ta’ xkiel”, qal il-Ministru Borg. Kompla jingħad kif ir-rispett u l-fiduċja li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi huma b’saħħithom u ta’ bażi soda sabiex ikomplu jiżdiedu l-koperazzjoni politika, ekonomika u kulturali bejn it-tnejn. Malta dejjem uriet sodisfazzjon li kienet magħżula sabiex tospita l-ewwel Ċentru Kulturali Ċiniż fil-Belt Valletta. Il-Ministru Ian Borg temm jgħid li huwa jħares ’il quddiem biex fis-snin li ġejjin iż-żewġ pajjiżi jkomplu jibnu fuq din ir-relazzjoni tant tajba li permezz tagħha jibbenefikaw iċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi.

Għal din l-okkażjoni l-Ministru Ian Borg u l-Ambaxxatur Ċiniż Yu Dunhai fil-preżenza tas-Sindku ta’ Santa Luċija Charmaine St. John u l-President tal-Għaqda ta’ ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina Reno Calleja, kixfu plakka kommemorattiva fi Ġnien is-Serenità sabiex tfakkar dan it-tragward. Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.

Ekonomija

Sport