Wednesday, March 27, 2024

NOĦORĠU MILL-GREYLISTING MHUX BIŻŻEJJED

Aqra wkoll

Aħna l-iċken pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Iżda fil-baħar Mediterran fejn ninsabu u li fih iżjed minn 3,000 gżira, il-gżejjer tagħna huma l-iżjed avvanzati. Fid-dinja wkoll ninsabu minn ta’ quddiem. Kull sena n-Nazzjonijiet Magħquda tkejjel l-iżvilupp u l-livell ta’ għixien tal-pajjiżi kollha tad-dinja billi tara kemm jgħixu fit-tul in-nies, il-ħarsien ta’ saħħithom, l-edukazzjoni tagħhom u kemm jgħixu ħajja diċenti.

Minn 189 pajjiż, aħna ninsabu fit-27 post. Dan ifisser li ma ħallejniex id-daqs jitfagħna jew iżommna lura. Mindu bdejna nmexxu lilna nfusna, bdejna naraw kif se noħolqu l-ġid u x-xogħol biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistghu jgħixu tajjeb fil-gżejjer fejn twieldu u trabbew. 

Għal hafna sekli meta servejna lill-pajjiżi oħra li ħakmuna biex minn hawn jikkontrollaw din in-naħa tal-Mediterran, ma kinux jiżviluppaw l-ekonomija tagħna biżżejjed biex il-poplu tagħna jgħix diċenti hawn. Eluf ta’ Maltin u Għawdxin kien ikollhom isiefru lejn pajjiżi oħra biex jibnu l-ħajja tagħhom fihom għax il-gżejjer tagħna kienu fqar wisq u bla xogħol. Illum qed ngħixu ħafna aħjar u bit-tkabbir u żvilupp ekonomiku għandna ħajja tajba. Imma għandna wkoll sfidi kbar biex inkomplu ntejbu l-ħajja tal-poplu tagħna. 

Bħall-bqija tad-dinja rridu nsibu mod ġdid kif naqilgħu l-għixien tagħna f’dinja mibdula mill-pandemija, mill-kriżi tal-klima u mill-gwerra fl-Ukrajina. Bħala gżejjer li dak li nagħmlu hawn irridu bilfors inbiegħuh f’pajjiżi oħra u dak li nixtru għall-bżonnijiet tagħna bilfors irridu nġibuh minn pajjiżi ohra, dak li jiġri fil-bqija tad-dinja jolqotna ħafna.

Il-flus fl-idejn mnejn jiġu t-turisti, il-prezz tal-enerġija, l-ispiża tat-trasport, l-investiment, il-bejgħ, il-prezzijiet tal-ikel u tal-ħwejjeġ …kollha jolqtuna. Aħna żgħar wisq biex ninfluwenzaw dak li jiġri fid-dinja politikament, ekonomikament u militarment. L-aktar li nistgħu nagħmlu hu li naħdmu biex kemm jista’ jkun dak li jiġri fid-dinja ma jagħmlilniex ħsara, biex kemm jista’ jkun iservina ta’ ġid.

“Se jkun tajjeb li fiż-żmien li ġej noħorġu mill-Grey Listing u ma nibqgħux nitqiesu pajjiż riskjuż għall-investiment u l-kummerċ finanzjarju iżda b’daqshekk malli noħorġu, m’għandniex nillaxkaw u nintelqu. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed immorru lura u nagħmlu ħafna iżjed ħsara lil pajjiżna.”

Standards dinjin

Biex nagħmlu hekk irridu nkunu lesti naħdmu għall-ġid tal-poplu tagħha skont l-interessi tagħna waqt li huwa d-dmir tagħna li nharsu l-liġijiet internazzjonali. Jekk irridu nittieħdu bis-serjeta` bħala nazzjon fid-dinja tas-seklu 21 irridu nġibu ruħna bħala li kapaċi naqdu d-dmirijiet tagħna fl-ekonomija internazzjonali tal-lum.

Ilkoll kemm aħna. Mhux il-politiċi biss. Anki l-accountants, l-avukati, ir-regolaturi, l-awtoritajiet, il-pulizija, il-prosekuzzjoni, il-maġistrati u l-imħallfin. Ilkoll kemm aħna, is-soċjeta` kollha.

Sakemm konna ekonomija magħluqa fina nfusna, il-bqija tad-dinja ma kienetx tagħti każ kemm inħawdu bejnietna fit-thaddim u l-ksur tal-liġijiet u l-evażjoni fit-taxxi.. Imma minn meta bdejna nieħdu sehem fl-ekonomija internazzjonali l-affarijiet inbidlu. Żgur inbidlu għall-bqija tad-dinja. Jekk ilkoll kemm aħna mhux se ninbidlu u nibdew inġibu ruħna kif mehtieġ fid-dinja tas-seklu 21, il-poplu tagħna se jbati ħafna.

Dak li nagħmlu fiż-żminijiet u fid-dinja tal-lum huwa glokali: globali u lokali. 

Għall-ġid tal-poplu tagħna hemm bżonn nifhmu dan bħala poplu kollu, ibda minna l-politiċi li rridu nagħtu eżempju tajjeb.. L-imġieba tagħna, il-kompetenza tagħna, il-mentalita` tagħna trid tkun globali, dinjija.  Irid ikollna standards dinjin f’kull qasam tal-hajja jekk irridu nżommu dak li ksibna u nibnu fuqu għas-snin li ġejjin. 

Bis-sehem tagħna fl-ekonomija dinjija, irridu jew ma rridux aħna taħt lenti dinjija.

U nonqsu ħafna lill-poplu tagħna jekk ma nifhmux dan u nġibu ruħna b’mod li nħassru ġieh pajjiżna, ir-reputazzjoni tagħna, mad-dinja kollha. Se jkun tajjeb li fiż-żmien li ġej noħorġu mill-Grey Listing u ma nibqgħux nitqiesu pajjiż riskjuż għall-investiment u l-kummerċ finanzjarju iżda b’daqshekk malli noħorġu, m’għandniex nillaxkaw u nintelqu. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed immorru lura u nagħmlu ħafna iżjed ħsara lil pajjiżna.

Ekonomija

Sport