Sunday, April 28, 2024

“Il-Korea ta’ Fuq… pajjiż invinċibbli”

Aqra wkoll

Il-midja tal-istat tal-Korea ta’ Fuq għamlet eloġju sħiħ dwar kif il-pajjiż tagħhom sar “forza invinċibbli” tant li,  “id-dinja ma tistax tibqa’ tinjorahom u li ħadd ma jista’ jmisshom”. Skonthom dan kollu grazzi taħt it-tmexxija ta’ Kim Jong Un. Dan l-eloġju jidher li sar fir-rigward tat-tisħiħ tal-armi nukleari li dan il-pajjiż għamel matul dawn l-aħħar snin. 

Illum ġewwa l-Korea ta’ Fuq hija vaganza militari li tfakkar id-90 anniversarju minn meta twaqqfet l-Armata Rivoluzzjonarja tal-Poplu Korean. L-armata rivoluzzjonarja hija l-fergħa tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Ko­rea li jmexxi dan il-pajjiż. 

Għadd ta’ analisti qed jistennew li għal din l-okkażjoni l-Korea ta’ Fuq se tkun qiegħda tagħmel parata militari kbira u possibbilment tiżvela iktar armi ġodda. 

Matul din is-sena, il-Korea ta’ Fuq wettqet numru kbir ta’ testijiet fuq missili ballistiċi, ħafna iktar mis-snin ta’ qabel. Min-naħa tagħhom, l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel qalu li huma għandhom indikazzjonijiet li Pyongyang se terġa’ tissokta bit-testijiet fuq armi nukleari. Il-Korea ta’ Fuq ilha mill-2017 ma twettaq testijiet ta’ dan it-tip.

Lejliet dan l-anniversarju, il-midja tal-istat tal-Korea ta’ Fuq qalet li pajjiżhom huwa mgħammar b’kapaċitajiet kemm ta’ difiża u anke offensiva u li kapaċi “jkampa sew fi gwerra moderna”. Il-midja faħħret ukoll “l-ideoloġija militari ġenjali tal-mexxej Kim, kif ukoll it-tmexxija militari u l-kuraġġ tieħu.” Fir-rapport intqal li taħt it-tmexxija ta’ Kim il-pajjiż sar għandu “saħħa invinċibbli”.

Sport