Mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna sa llum, l-Unjoni Ewropea tat xejn inqas minn €245 biljun f’appoġġ għal Ukrajna. Jekk wieħed ikollu jara kemm hi l-għajnuna finanzjarja isib li ngħataw €131 biljun mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u €15.5 biljun oħra f’għajnuna finanzjarja ekonomika u umanitarja mill-Istati membri b’kollox total ta’ €146.8 biljun. Ma’ dawn imbagħad għandek għajnuna ta’ €77.9 biljun f’tagħmir u għajnuna militari, €17-il biljun għar-refuġjati, u €3.8 biljun minn assi Russi iffriżati. Proprju fl-aħħar jumejn iltaqgħu il-Mexxej tal-Istati tal-Unjoni Ewropea biex jiddiskutu għajnuna oħra qawwija ta’ €45 biljun għall-Ukrajna. Huma ddiskutew ukoll il-Baġit Ewropew, iżda id-diviżjonijiet li jeżistu bħalissa fl-Unjoni Ewropea wasslu biex is-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell spiċċa mingħajr ma ntlaħaq qbil, kemm dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE u lanqas dwar pakkett ta’ għajnuna ta’ €45 biljun għall-Ukrajna fl-2027. Minħabba nuqqas ta’ qbil serju bejn l-Istati Membri, id-deċiżjonijiet ewlenin kollha ġew posposti għal summit ieħor li se jsir bejn is-17 u t-18 ta’ Diċembru.
Il-pakkett propost ta’ għajnuna għall-Ukrajn ġie mblukkat mill-Ungerija, mir-Repubblika Ċeka u mis-Slovakkja. Dan l-intopp għall-Kummissjoni Ewropea ġie aggravat minn nuqqas ta’ qbil ferm akbar dwar il-qafas finanzjarju għall-Baġit Ewropew li se jkopri perjodu bejn is-sena 2028 u s-sena 2034.
Quddiem in-nuqqas ta’ qbil, l-istess Stati membri ippruvaw jilħqu kompromess billi talba li l-baġit Ewropew jitnaqqas b’€204 biljun mit-talba inizjali ta’ €2 triljun tal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu diversi pajjiżi fosthom il-Ġermanja, l-Olanda, l-Awstrija, il-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka ma qablux ma’ din il-proposta. Il-proposta ġiet dikjarata insuffiċjenti, u talab tnaqqis totali ta’ €250 biljun.
Id-diskussjonijiet li kienu għaddejjin kienu jinkorporaw l-interessi tal-pajjiżi membri b’mod partikolari dwar min se jispiċċa jġorr il-piż tat-tnaqqis sostanzjali fil-baġit, liema tnaqqis jammonta għal xejn inqas minn €50 biljun.
17-il pajjiż b’pożizzjoni differenti
Waqt li fuq naħa kellek dawk is-sitt pajjiżi qegħdin jitolbu tnaqqis ta’ €50 biljun mill-baġit, kellek grupp ieħor li ħafna drabi issibhom flimkien biex jiddefendu l-fondi Ewropej għall-iżvilupp ekonomiku u reġjonali. Dawn huma l-Italja, Spanja, l-Portugal, il-Greċja, il-Kroazja, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u Malta. Dawn huma pajjiżi li jiddependu ħafna mill-fondi tal-Ujoni Ewropea għall-agrikoltura u għall-iżvilupp reġjonali. Għalhekk, huma jopponu tnaqqis fil-baġit li l-aktar jolqot lil dawn l-oqsma.
Hemm imbagħad il-pajjiżi. tal-Lvant u tat-Tramuntana tal-Ewropa li jadottaw pożizzjoni qawwija kontra r-Russja qed jitolbu aktar fondi biex jiddefendu n-naħa tal-Lvant tal-Ewropa.
Il-finanzi lill-Ukrajna qegħdin joħolqu l-akbar problema
Analista li tkellem ma’ L-ORIZZONT qalilna li “hi ċara ħafna l l-akbar problema hi l-finanzjament li jridu jagħtu lill-Ukrajna. Dan fi sfont meta hemm pajjiżi Ewropej minn naħa sa oħra li letteralment qegħdin f’tensjoni kbira minħabba protesti li qegħdin isiru. Il-problema ewlenija li kulħadd qed jara hi li l-infiq finanzjarju enormi fuq l-Ukrajna u fuq ir-riarmament qed tiddevja riżorsi kruċjali mill-ħtiġijiet interni tal-Ewropa. Iċ-ċittadini Ewropej jafu li din hija l-kwistjoni ċentrali, iżda hu ċar li hemm min hu determinat li jkompli fit-triq ta’ konfrontazzjoni mar-Russja.”
L-analista qalilna li “n-narrattiva dominanti fost it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea u tan-NATO hi li r-Russja tirrappreżenta theddida diretta u eżistenzjali għas-sigurtà Ewropea. Huma konxji ta’ kif qegħdin jaħsbuha il-popli f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, li qegħdin jaraw li dawn il-flejjes mhuma jagħmlu xejn għajr itawwlu l-gwerra. Allura biex jikkumbattu dan, l-istituzzjonijiet Ewropej bdew jippreżentaw mill-ġdid ir-riarmament bħala mutur tat-tkabbir ekonomiku domestiku. L-istituzzjonijiet kollha tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew), flimkien mal-gvernijiet tal-akbar ekonomiji tal-blokk, huma impenjati favur l-alleanza transatlantika u l-appoġġ lill-Ukrajna.”
Kontroll minn dawk li qegħdin jibbenefikaw mill-gwerra
L-analista qalilna li “din hi sitwazzjoni tossika għall-aħħar. Għandek min għandu bżonn il-fondi Ewropej għal żvilupp reġjonali biex igawdu minnu ċ-ċittadini ta’ pajjiżu fosthom Malta, u hemm min qiegħed ikompli jagħfas li jagħti aktar għajnuniet finanzjarji qawwijin. Dawn huma pajjiżi li qegħdin jibbenefikaw mill-gwerra, li aktar ma ttul, aktar se jissupplixxu armi. U quddiem dan ftit li xejn tisma’ politiċi jitkellmu fil-miftuħ għal tnaqqis fil-finanzjament tal-Ukrajna sabiex jiżdiedu l-fondi għall-programmi domestiċi.”
Ikompli jgħidilna li “u waqt li hemm din is-sitwazzjoni fil-qalba tal-Unjoni Ewropea, f’għadd ta’ pajjiżi għandhom organizazzjonijiet anke dawk tax-xellug, li qegħdin jipprotestaw bil-qawwa. Ma’ dan imbagħad hemm partiti populisti u nazzjonalisti li qegħdin jirkbu fuq dan kollu bit-tama li jżidu l-appoġġ.”
Il-laqgħa tal-mexxejja nhar il-Ħamis
Fil-laqgħa tal-Mexxejja tal-Istati tal-Unjoni Ewropea li saret nhar il-Ħamis sa mill-bidu ma kienx mistenni li jintlaħaq ftehim. Lanqas imma kein mistenni li jkun hemm mexxejja li jitilqu ‘lbarra mis-summit. Filfatt din il-laqgħa tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qed titqies bħala li spiċċat fi kriżi wara li diversi gvernijiet li qed jitolbu baġit iżgħar għal seba’ snin irrifjutaw li jkomplu jinnegozjaw mal-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, u telqu mil-laqgħat ta’ negozjar tiegħu.
Dan seħħ tard bil-lejl waqt il-laqgħa tal-Ħamis fi Brussell. Issa jidher li kollox se jerġa’ jiġi diskuss bejn is-17 u t-18 ta’ Diċembru f’summit ieħor.
Minn naħa tiegħu, quddiem din is-sitwazzjoni ta’ kriżi, il-President Franċiż Emmanuel Macron stabbilixxa l-aħħar tas-sena bħala skadenza biex jintlaħaq ftehim dwar il-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin.
Macron, li pajjiżu jinsab mgħobbi bid-dejn u li qed jiffaċċja elezzjonijiet f’April, fejn il-lemin estrem jidher li għandu ċans jirbaħ, qal li jkun lest jiffirma “ftehim tajjeb” meta l-mexxejja jerġgħu jiltaqgħu fis-17 u t-18 ta’ Diċembru. Macron żied jgħid li wara l-31 ta’ Diċembru ma jkunx jista’ “jerġa’ jiftaħ id-diskussjoni dwar il-baġit u jasal għal konklużjoni”, għaliex sa dak iż-żmien ikun “wisq qrib l-elezzjonijiet presidenzjali fi Franza”.
Minkejja dan jidher li diġa kien hemm min esprima ruħu li hu improbabbli li jintlaħaq ftehim din is-sena.




