Friday, November 27, 2026
Home Internazzjonali 31 persuna jinqatlu f’nirien li ħakmu trakk tal-fjuwil fil-Kajr

31 persuna jinqatlu f’nirien li ħakmu trakk tal-fjuwil fil-Kajr

0
38

31 persuna nqatlu u 21 oħra ndarbu, uħud serjament, f’nirien kbar fuq awtostrada traffikuża fil-Kajr, wara li trakk li kien qed iġorr il-fjuwil kien involut f’ħabta, skont ma ħabnbar il-Ministeru tas-Saħħa tal-Eġittu. Din kienet it-tieni traġedja fi spazju ta’ ftit ġimgħat wara li fid-9 ta’ dan ix-xahar 7 persuni mietu f’ħabta bejn żewġ treni fil-belt ta’ Giza.

Pazjenti li sofrew minn ħruq jew mid-duħħan li belgħu ittieħdu għall-kura fi sptarijiet fil-viċin, f’dan l-inċident li seħħ l-Erbgħa filgħaxija fuq parti minn triq ċirkolari fil-qrib ta’ Warraq, fit-tramuntana taċ-ċentru tal-belt il-qadima.

L-awtoritajiet għadhom ma tawx spjegazzjoni uffiċjali dwar x’wassal għall-inċident u kif inbdew in-nirien, iżda midja tal-istat irrappurtat li t-trakk li kien qed iġorr il-fjuwil inqaleb, u xerred il-petrol fuq vetturi oħra li kienu fil-qrib.

Madankollu, il-ġurnal tal-istat Al-Ahram, waqt li jiċċita sorsi infurmati dwar l-investigazzjoni, irrapporta li t-trakk-tank, li kien jappartjeni lil kuntrattur privat, kien għaddej minn fuq l-awtostrada meta kejbil tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli waqa’ quddiemu u wassal biex ix-xufier tilef il-kontroll. 

Il-gazzetta tal-istat sostniet li l-vettura mbagħad qasmet id-diviżur ċentrali, inqalbet u ħadet in-nar. Fil-kuntest ta’ dak li ġie rappurtat, il-prosekutur pubbliku reġjonali fetaħ investigazzjoni dwar l-inċident u talab li jittieħdu kampjuni tad-DNA mill-iġsma tal-mejtin.

L-inċidenti fit-toroq huma komuni ħafna fl-Eġittu. Dawn spiss jiġu attribwiti għal manutenzjoni fqira u n-nuqqas mifrux ta’ osservanza tal-liġijiet tat-traffiku.

l-aħħar snin ukoll, l-Eġittu għadda minn diversi nirien fatali. F’żoni residenzjali informali u fejn l-infrastruttura spiss tkun fi stat ħażin, inċidenti bħal dawn huma aktar komuni.

Ir-rispons għalihom spiss ikun ikkumplikat minn dewmien fis-servizzi ta’ emerġenza u minn sforzi ta’ salvataġġ organizzati b’mod improviżat min-nies tal-post, anke fiż-żoni vasti tal-belt kapitali tal-Eġittu.

Skont ċifri uffiċjali, is-sena l-oħra kważi 6,000 persuna tilfu ħajjithom fit-toroq tal-Eġittu – żieda ta’ diversi mijiet fuq it-total tas-sena ta’ qabel.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here