“Mill-jum li twelidt, konna dejjem flimkien. Dora the Explorer kien il-programm favorit tagħna. Niftakarek titgħawweġ ħdejja u ħdejn in-nannu, waqt li kont tilgħab bid-daqna tiegħu. Konna tant kburin bik hekk kif konna narawk tikber u ssir dik it-tfajla sabiħa, intelliġenti u ta’ qalb tajba li kont. Issa inti sirt l-anġlu tagħna li qed tħares fuqna lkoll”, Dawn kienu l-kliem ta’ qsim il-qalb li għaddiet Doreen Cascun, in-nanna ta’ tfajla ta’ 17-il sena ta’ dixxendenza Maltija li tilfet ħajjitha f’nirien fatali fid-dar fejn kienet tgħix fi New Windsor ilbarra minn New York. Il-familja tat-tfajla għandha qraba jgħixu f’Għajnsielem f’Għawdex. Il-familja ta’ dixxendenza Maltija spiċċat b’ta fuqha senduqha u għaddejjin kampanji biex jgħinuhom mill-aħjar li jistgħu.
Jordyn Cascun, ta’ 17-il sena, ġiet identifikata bħala l-vittma tan-nirien fatali li ħakmu dar f’Vails Gate, fi New Windsor. Id-Distrett tal-Iskejjel ta’ Newburgh Enlarged City ħabbar li Jordyn Cascun, studenta fin-Newburgh Free Academy, tilfet ħajjitha wara nirien li seħħew.
Waħda miz-zijiet tagħha, li tgħix f’Għawdex, ikkummentat li “l-uniku dispjaċir li għandi hu li qatt ma kellna l-opportunità niltaqgħu personalment, iżda l-imħabba tiegħi lejk dejjem kienet hemm, anke jekk konna naraw lil xulxin biss permezz tal-FaceTime.”
Il-komunità ta’ Newburgh qed torganizza ġbir ta’ donazzjonijiet u kampanja permezz ta’ GoFundMe għall-familja ta’ Jordyn, sabiex tgħinhom jerġgħu jibnu ħajjithom u jipprovdulhom il-ħtiġijiet personali bażiċi, ħwejjeġ u oġġetti essenzjali għad-dar wara t-traġedja.
Id-distrett tal-iskejjel se jkun qed jipprovdi servizzi ta’ konsulenza u appoġġ psikoloġiku lill-iskejjel li ntlaqtu l-aktar minn din it-telfa. In-nirien fid-dar ikkawżaw ukoll ġrieħi lil erba’ pompieri, filwaqt li erba’ persuni li kienu fid-dar ittieħdu l-isptar u tmien residenti spiċċaw mingħajr fejn joqogħdu.
Il-ġbir ta’ donazzjonijiet qed jilqa’ ħwejjeġ nodfa, ġodda jew użati iżda f’kundizzjoni tajba, prodotti essenzjali tal-iġjene personali, ikel li ma jitħassarx u donazzjonijiet finanzjarji.
Jordyn kienet fl-aħħar sena tagħha fl-iskola Newburgh Free Academy, fil-bini tas-CTE. Ġiet deskritta bħala li kienet magħrufa bħala tfajla intelliġenti, sabiħa, umoristika ferm, qalbha tajba. Hi ġiet deskritta bħala li kellha personalità li kienet kapaċi ddawwal kull kamra li tidħol fiha, u preżenza li kienet tħalli marka f’kull min kellu x-xorti jsir jafha.
Jordyn kienet tħobb ħafna affarijiet fil-ħajja, speċjalment lill-ħbieb u lill-familja tagħha. Kienet tħobb il-films antiki u kellha passjoni kbira għal Harry Potter, Twilight, Grease, Mamma Mia u ħafna films oħra. Kienet tħobb issajjar u tagħmel il-ħelu, kienet qarrejja akkanita, u kienet tieħu gost tilgħab Fortnite u Roblox. Kienet tħobb ukoll il-Volkswagen Beetle tagħha bil-parti ta’ fuq tinfetaħ.
Dawk li kienu jafu lil Jordyn se jibqgħu jiftakru wkoll dawk id-dettalji żgħar li kienu jagħmluha daqstant speċjali. Tkun xi tkun il-ħin tal-ġurnata li tiltaqa’ magħha, kważi dejjem kien ikollha borża tas-silġ jew tnejn fuq wiċċha. Hi u ħuha AJ spiss kienu jidhru jirreċtaw xeni mill-programm Dance Moms, u joħolqu memorji u daħk li se jibqgħu jgħożżuhom għal dejjem.
Jordyn kienet iġġib magħha enerġija li kienet tinfetta lil kull min jiltaqa’ magħha. Kienet tassew straordinarja, bħal nifs ta’ arja friska. Id-daħk tagħha, is-sens ta’ umoriżmu, il-ġenerożità u l-personalità unika tagħha kienu jagħmlu l-ħajja ta’ dawk ta’ madwarha isbaħ.
Kienet tieħu gost tqatta’ ħin mal-aqwa ħbieb tagħha, Lily, Mariah, Kayden u Shaylah, kif ukoll ma’ ħafna oħrajn, tant li ma jkunx possibbli li nsemmuhom kollha. Fuq kollox, kienet tgħożż lill-familja tagħha, speċjalment lill-kuġin tagħha Kaleb, li kellu post tassew speċjali f’qalbha.




