Thursday, March 28, 2024

50 xahar ħabs għal ħames immigranti fuq ir-rewwixta f’Ħal Safi

Aqra wkoll

Ħames immigranti kienu kkundannati 50 xahar ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li kienu involuti f’rewwixta fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi lura f’Settembru tal-2020.

L-irġiel huma Mahmoud Suleiman Suleiman ta’ 35 sena, Bashid Mahdi ta’ 23 sena, Mahmoud Ababaker Mustafa ta’ 29 sena, Daniel Solomon Alazar ta’ 20 sena u Tesfalem Habeh Tesfalem ta’ 22 sena.

Huwa kienu mixlija li għamlu ħsara fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi, li ħadu sehem f’rewwixta, li ma obdewx l-ordnijiet ta’ uffiċjali inkarigati mis-servizz pubbliku, li kisru l-paċi pubblika u li saru kompliċi billi għenu persuni oħra jkebbsu bin-nar saqqu li kien ġewwa l-istess ċentru. 

Fil-Qorti, Darren Fenech, Officer in Charge fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni, xehed li huwa kien ġie infurmat li l-immigranti li kienu f’Warehouse 1 kienu qed jippruvaw jaħarbu billi qalgħu xi knaten minn taħt it-tieqa fil-ħajt ta’ dan il-maħżen.

Huwa qal li kif wasal fuq il-post sab li tlieta minnhom kienu diġà ħarbu u kienu għadhom qed jiġru ġewwa l-barracks, tnejn minnhom qabżu u ieħor tela’ mal-fence u qabeż u telaq ‘il barra. Żied jgħid li huwa talab għall-assistenza tas-suldati kif ukoll tal-RIU.

Fenech kompla jispjega fil-Qorti li l-ħames imputati kienu kollha involuti fl-inċident inkwistjoni u għarafhom billi kienu fil-kotra ta’ quddiem fejn fil-ħin tal-inċident bdew ukoll iwaddbu xi ġebel u ħadid. 

Ix-xhud qal ukoll li pulizija minn tal-RIU sfaw feruti u wieħed minnhom intlaqat b’ġebla sakemm marru jġibu t-tarki. Fl-istess inċident tqabbdu wkoll xi saqqijiet.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella qalet li kien hemm provi biżżejjed biex l-imputati jinstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom għajr għal dik li taw in-nar is-saqqijiet billi ħadd minnhom ma ġie identifikat li għamel dan.

Għaldaqstant, filwaqt li sabithom ħatja, ikkundannathom piena ta’ 10 xhur priġunerija kull wieħed. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti. 

Ekonomija

Sport