Saturday, April 27, 2024

5,541 studenti jattendu l-Klabb 3-16

L-akbar ammont imorru fiċ-ċentru tal-Iskola Primarja tal-Qawra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Hekk kif il-ġimgħa l-oħra kellna azzjoni industrijali li affettwat l-iskejjel f’pajjiżna, wieħed jirrimarka li barra li l-istudenti tilfu ġurnata tagħlim, dawk it-tfal li jattendu l-Klabb 3-16 ma kellhomx dan is-servizz b’konsegwenzi diretti fuq il-ġenituri li jaħdmu. Fil-fatt, is-servizz tal-Klabb 3-16 huwa mmirat proprju biex dawk il-ġenituri, ikunu jistgħu jmorru għax-xogħol u lit-tfal iħalluhom l-iskola sakemm ikunu jistgħu jiġbruhom. 

It-Tnejn li għadda la kien hemm Breakfast Club li jdaħħal lill-istudenti kmieni fis-7.00 ta’ filgħodu u lanqas Klabb 3-16 li normalment jibqa’ miftuħ sas-6.00 ta’ filgħaxija. Dan meta, fil-35 ċentri tal-Klabb 3-16 f’Malta u Għawdex hemm irreġistrati total ta’ 5,541 studenti bl-akbar ammont tagħhom huwa fl-Iskola Primarja tal-Qawra. F’tal-Qawra hemm xejn inqas minn 425 studenti li jattendu Klabb 3-16. Dan l-ammont, li mhux neċessarjament huma kollha studenti tal-istess skola, huwa kważi n-nofs tal-popolazzjoni tal-istudenti regolari tal-Primarja tal-Qawra li hija ta’ madwar 920.

“Mingħajru ma nkunx nista’ mmur naħdem”

Il-Klabb 3-16 huwa servizz pjuttost vitali għal dawk il-ġenituri li huma fid-dinja tax-xogħol biex jkollhom moħħhom mistrieħ li wliedhom jibqgħu miġbura l-iskola f’ambjent sigur, edukattiv, kif ukoll pjaċevoli. Tul Klabb 3-16, it-tfal igawdu minn attivitajiet extra kurrikulari ma’ sħabhom fosthom l-aktar favoriti li huma l-attivitajiet sportivi. 

Dan huwa kkonfermat mill-ġenituri stess, b’mod partikolari minn ommijiet fejn f’kummenti jingħad li mingħajr dan is-servizz wara l-ħinijiet tal-iskola, “żgur kieku ma nkunx nista’ mmur naħdem. Barra minnhekk, is-sena skolastika hija mimlija vaganzi… Liema xogħol jispiċċa fil-ħinijiet normali tal-iskola jew fil-ġranet li jkollhom? Mingħajr Klabb 3-16, żgur li kieku ma nkunx nista’ nagħmel xogħol full-time”. 

Statistika mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, tagħtina stampa aktar ċara ta’ kemm dan is-servizz huwa mfittex u milqugħ. It-total ta’ studenti li jattendu Klabb 3-16 tela’ għal aktar minn 5,000 tifel u tifla. Maż-żmien dan mistenni jiżdied. Bħalissa, imma, diġà għandna ammont konsiderevolment għoli li jikkonferma kemm hemm ġenituri u għaldaqstant, tfal, fil-bżonn li jkun ipprovdut is-servizz Klabb 3-16.

L-akbar attendenza huma f’tal-Qawra, ta’ Birkirkara u tan-Naxxar

… L-inqas huma f’tal-Għargħur, tal-Gudja u ta’ Tarxien

It-tabella ppreżentata fil-Parlament mill-Ministru Grima għal interprellanza mid-deputat tal-PN, Graziella Galea, turi 35 lokalità li fihom jingħata s-servizz ta’ Klabb 3-16. Dawn huma f’Attard, Birkirkara, Birżebbuga, Fgura, Għargħur, Gudja, Gżira, Ħamrun, Luqa, Marsascala St Anne, Marsascala St Joachim, Mellieħa, Mġarr, Mosta Annex, Mosta, Mqabba, Naxxar, Paola, Pembroke, Qawra, Qormi San Bastjan, Rabat B, San Ġiljan, San Ġwann, Siġġiewi, Siema, San Pawl il-Baħar, Santa Venera, Tarxien, Żabbar A, Żabbar B, Żebbuġ Malta, Żejtun, Żurrieq u Victoria f’Għawdex.

Wara tal-Qawra, il-Klabb 3-16 bl-akbar ammont ta’ studenti huwa dak ta’ Birkirkara b’total ta’ 230 tifel u tifla. Dan huwa segwit minn dak fin-Naxxar b’219-il studenti. L-inqas ċentri li għandhom studenti rreġistrati għal dan is-servizz huma dawk tal-Għargħur b’45 studenti; mbagħad dak tal-Gudja b’53 segwit minn ta’ Tarxien b’76 studenti.

It-total ta’ tfal li jattendu l-Klabb 3-16 f’Victoria Għawdex jirriżulta li huwa ta’ 92.

Meta wieħed jara kemm hija numeruża l-attendenza għal dan is-servizz, nifhmu kemm il-ħidma warajh u l-kontinwazzjoni  tiegħu huma importanti kemm għall-istudenti li jattenduh, kemm għall-ġenituri li, li kieku ma jeżistix huwa ferm diffiċli biex realment jaħdmu kif iridu u/jew kemm iridu; u għat-tisħiħ tal-mutur ekonomiku tagħna.

Servizz bżonnjuż li huwa edukattiv u pjaċevoli għat-tfal

Huwa importanti li s-servizz ta’ Klabb 3-16 ma jkunx jew jittieħed bħala xi forma ta’ sempliċi superviżjoni jew ta’ baby sitting. Dan għax dan is-servizz fil-verità huwa u hekk għandu jkun, wieħed edukattiv kemm mil-lat akkademiku, kif ukoll mil-lat soċjali u fiżiku. Tulu it-tfal jipparteċipaw f’diversi attivitajiet kif ukoll spazju biex jilagħbu u jinteraġixxu ma’ sħabhom barra l-ħinijiet tal-iskola “normali”.

Klabb 3-16 huwa servizz ipprovdut mit-Tnejn sal-Ġimgħa wara l-ħin tal-iskola għal tfal bejn it-tliet u s-16-il sena. Dan jingħata kemm fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja jew Indipendenti.

Minn informazzjoni mogħtija mid-Dipartiment, il-ħin tas-servizz matul il-ġranet skolastiċi huma minn x’ħin tispiċċa l-iskola sas-18.00. Is-sigħat użati jistgħu jiġu adattati għall-bżonnijiet tal-ġenituri li japplikaw biex uliedhom jattendu, filwaqt li tiġi rispettata l-iskeda uffiċjali ta’ x’ħin wieħed jista’ jiġbor lit-tfal, kif maħruġa miċ-ċentru. Klabb 3-16 jopera wkoll ġurnata sħiħa bejn is-07:00 u s-17:30 waqt il-vaganzi tal-iskola, skont id-domanda.

Għajnuna fil-homework u attivitajiet oħra

Tfal li jattendu Klabb 3-16 jibbenefikaw minn programm ippjanat ta’ attivitajiet. L-iskeda tagħti lit-tfal l-opportunità li jagħmlu l-HW tagħhom taħt il-gwida ta’ għalliema professjonali u li jieħdu sehem f’attivitajiet edukattivi mhux formali mal-Playworkers. Dawn jinkludu attivitajiet bħall-arti u l-crafts, drama u rakkont ta’ stejjer, edukazzjoni fiżika u logħob, sessjonijiet tat-tisjir, esperimenti tax-xjenza, attivitajiet relatati mat-teknoloġija, taħditiet edukattivi u workshops li huma marbuta ma’ temi ta’ kull xahar.

Tfal bi ħtiġijiet edukattivi individwali, jistgħu jiġu wkoll pprovduti bl-għajnuna ta’ Child Support Worker.

Matul il-vaganzi tal-iskola, is-servizz huwa miftuħ ukoll iżda dan huwa offrut biss għal tfal ta’ ġenituri li jaħdmu u li jistgħu jipprovdu dokumenti uffiċċjali bħala prova ta’ impjieg. Jistgħu jattendu wkoll tfal ta’ ġenituri li qegħdin isegwu kors ta’ studji ma’ istituzzjoni edukattiva reġistrata.

Applikazzjonijiet u l-btajjel 

L-applikazzjonijiet għas-servizz Klabb 3-16 matul il-ġranet normali tal-iskola, jiftħu f’Awwissu qabel is-sena skolastika. Il-perjodi ta’ applikazzjoni għall-vaganzi skolastiċi jiftħu ftit ġimgħat qabel il-vaganzi rispettivi u jintlaqgħu skont min japplika l-ewwel. Wara li jimtela ċentru, l-applikazzjonijiet jibdew jinżammu fuq lista ta’ stennija.

Kalendarju tas-servizz waqt il-vaganzi tal-iskola: –

• Btajjel bejn meta tispiċċa Skolasajf u meta tibda s-sena skolastika (September Bridge Holidays);

• Btajjel tal-Mid-Term;

• Btajjel tal-Milied;

• Btajjel tal-Karnival;

• Btajjel tal-Għid;

• Btajjel bejn meta tispiċċa s-sena skolastika u meta tibda Skolasajf (July Bridge Holidays);

Is-servizz Klabb 3-16 huwa offrut ukoll waqt is-servizz ta’ Skolasajf għall-ġenituri li jaħdmu biss. Dan huwa bejn is-7am u t-8:30 am u bejn 12:30pm u l-5:30 pm.

Sport