Saturday, December 21, 2024

56 tifel u tifla jipparteċipaw fil-kompetizzjoni li tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi 2020

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu ippremjaw lir-rebbieħa li ħadu sehem fil-kompetizzjoni li tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi 2020.

Id-Direttur taċ-Ċentru tal-Litteriżmu, fi ħdan l-Università ta’ Malta, Profs. Charles Mifsud kien preżenti wkoll flimkien ma’ Petya Stavreva, mill-Kamra għal Inizjattivi dwar il-Litteriżmu tal-Balkani u s-Sur Mark Vella, bħala rappreżentant tal-Kummisjoni Ewropea f’Malta.

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza tal-lingwi barranin fid-dinja moderna tal-lum.

Huwa qal li, “il-Kunsill tal-Ewropa jorganizza l-Jum Ewropew tal-Lingwi biex jiċċelebra d-diversità lingwistika. Dan il-jum ilu jiġi ċċelebrat fis-26 ta’ Settembru mill-2001. Il-motto ta’ din is-sena huwa: ‘Bil-lingwi niskopru d-dinja’. Aħna bħala Maltin diġà għandna għalfejn inkunu kburin għaliex għandna lingwa differenti minn ħaddieħor, però xorta waħda nitgħallmu diversi lingwi oħrajn sa minn ċkunitna. Permezz tal-lingwi ssir komunikazzjoni bejn persuna u oħra u dan huwa s-sabiħ tagħhom u b’hekk inħoss il-ħtieġa li ġurnata bħal din tiġi ċċelebrata b’mod xieraq.”

Il-familji Maltin u Għawdxin, iċ-ċentri ta’ Skolasajf, u klabbs u skejjel oħrajn tas-sajf kienu mistiedna jorganizzaw attivitajiet biex juru l-għarfien tagħhom tal-lingwi f’Malta u kull fejn ikunu.

Is-Sur David Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, tkellem dwar l-impenn tal-aġenzija biex tippromwovi l-lingwi barranin: “L-aġenzija tħeġġeġ lit-tfal jiżviluppaw il-ħiliet komunikattivi mhux biss fil-lingwi mitkellma d-dar imma wkoll fil-lingwi barranin. Dawn iż-żminijiet diffiċli wrewna kemm il-qari jista’ jkun mod tajjeb biex wieħed jiskopri ambjenti lil hinn minn dawk li jgħix fihom. Il-qari b’lingwi differenti jgħinna wkoll nesperjenzaw kulturi differenti.”

Dr Lara Ann Vella, ir-Rappreżentanta Nazzjonali tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, spjegat kif saret il-kompetizzjoni, ‘X’inti kapaċi tagħmel b’lingwa barranija?’. Din il-kompetizzjoni ħeġġet lit-tfal u ż-żgħażagħ jesebixxu l-ħakma tagħhom ta’ lingwi barranin.

Dawk li pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni kellhom joħolqu filmat qasir li fih juru l-ħiliet komuikattivi tagħhom f’lingwa barranija.

Il-kompetizzjoni kien fiha 4 kategoriji skont l-età: 

  • Minn 3 snin sa 7;
  • Minn 8 snin sa 11-il sena;
  • Minn 12 sa 15-il sena;

Minn kull kategorija ntagħzlu tliet rebbieħa. Iċ-ċentri jew skejjel bl-ikbar ammont ta’ parteċipanti f’kull kategorija rċevew premju wkoll.

Il-filmati ntbagħtu f’messaġġ privat lill-paġna ta’ Facebook uffiċjali: ‘Il-Politika Lingwistika’.

Il-Ministru Bonnici feraħ lill-aġenzija għall-bosta inizjattivi li torganizza matul is-sena, kif ukoll lit-tfal kollha li ħadu sehem filwaqt li enfasizza l-importanza li nkunu nafu mhux biss il-lingwa ta’ pajjiżna iżda anki lingwi oħrajn ta’ pajjiżi ‘l bogħod minn xtutna.

Ir-rebbieħa f’kull kategorija huma:

3-7 snin
L-ewwel post: Julia Barbara
It-tieni post: Fathi Aboujaafar
It-tielet post: Julien Bouvier

8-11 snin
L-ewwel post: Lara and Lisa Giordmaina
It-tieni post: Elly Cutajar
It-tielet post: Sara Garcia Conrad

12-15 snin
L-ewwel post: Alexandra Bugeja
It-tieni post: Amelie Calleja
It-tielet post: David Attard u Mattea Micallef

Ekonomija

Sport