Mavrick Zammit ta’ 37 sena residenti l-Marsa ammetta quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco li saq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni, li m’obdiex ordnijiet tal-Pulizija, u li kiser kundizzjonijiet tal-qorti biex kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Qorti li waqt kontrolli tat-traffiku lemħu lir-raġel jirriversja u ħarab bil-karozza. Hu nqabad ftit tal-ħin wara u ammetta li ħarab għax ma kellux liċenzja. Il-Pulizija spjegaw li minkejja li widdbuh biex ma jerġax isuq, injorahom għal kollox u mill-garaxx tal-Pulizija ħareġ isuq il-vettura hu. F’dak il-ħin ġie arrestat.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco kkundannatu 6 xhur ħabs effettivi, ordnat il-konfiska ta’ €2,000 minn depożitu li kien għamel biex ngħata l-ħelsien mill-arrest u skwalifikatu milli jikseb liċenzja għal sena u tmint ijiem.
L-akkużat appella mis-sentenza.

