Wednesday, October 9, 2024

60 sena mit-tneħħija tal-Interdett fuq l-Eżekuttiv Laburista… imma ma kienx tneħħa minn fuq Lorry Sant u l-gazzetti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wieħed mill-agħar episodji f’pajjiżna hu bla dubju l-kwistjoni politiko reliġjuża, kwistjoni li wasslet biex il-Knisja Kattolika f’Malta ħarġet l-Interdett kontra Lorry Sant, li kien l-editur ta’ ‘The Struggle’ u wara kontra l-Eżekuttiv Laburista. L-interdett fisser li nies bi twemmin Laburista ġew imċaħħda milli jattendu funzjonijiet reliġjużi. Kienu ħafna dawk li spiċċaw jiżżewwġu fis-sagristija minħabba dawn is-sanzjonijiet.

Ħafna oħrajn ma ngħatawx assoluzzjoni mill-qrar. Il-knisja waslet ukoll sabiex iddikjarat li partitarji Laburisti ma setgħux jiġu midfunin fil-parti kkonsagrata taċ-ċimiterju, iżda f’fossa waħda mhux ikkonsagrata, magħrufa bħala, ‘il-miżbla’. Episodju ikrah li ħafna nies baqgħu ibatu konsegwenza tiegħu. Oħrajn għadhom sa llum, ma jersqux lejn Knisja minkejja li għaddew daqstant snin.

Sittin sena ilu, eżatt wara li Malta ingħatat l-Indipendenza, il-Knisja Kattolika Maltija neħħiet l-Interdett minn fuq l-Eżekuttiv Laburista. Dakinhar iżda l-Interdett ma kienx tneħħa lil Lorry Sant u lil gazzetta Laburisti.

Proprju sittin sena kien ingħad hekk:’ “ħafna ċapip mill-folla miġburin quddiem il-Kon Kattidral ta’ San Ġwann laqa’ l-aħbar tat-tneħħija ta’ l-Interdett minn fuq il-membri ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Malta Labour Party, li kienu ffirmaw id-Dikjarazzjoni Politika tas-17 ta’ Marzu tas-sena 1961. L-aħbar ingħatat mill-Arċisqof Mikiel Gonzi waqt diskors li għamel fil-Kon Kattidral wara li ċċelebra Quddiesa Pontifikali fi tmiem iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-Indipendenza.

Għaċ-ċerimonja kien hemm preżenti il-Gvernatur, Sir Maurice Dorman, il-Prim Ministru Gorg Borg Olivier, Ministri tal-Gvern, membri Parlamentari Nazzjonalista, Delegati tan-Nazzjonijiet Barranin mistednin għall-festi tal-Indipendenza, qassisin u reliġjużi u numru sabiħ ta’ nies li nġbru anki quddiem San Ġwann jisimgħu bil-loudspeakers dak li qed isir ġewwa.”

“Din l-aħbar hekk għall-għarrieda ġiet milqugħa tajjeb ħafna. Ir-reazzjoni fost il-qassisin, patrijiet u sorijiet li kienu preżenti kienet waħda ta’ skantament u ferħ. Ir-reliġjużi kollha bdew jitbissmu hekk kif semgħu l-aħbar sabiħa u bosta sorijiet preżenti bdew jirrepetu lil xulxin l-aħbar tajba, donnhom bil-kemm jistgħu jemmnuha.

L-istqarrija sħiħa ta’ Mons Arċisqof kienet tgħid li: ‘mingħajr preġudizzju għall-prinċipji nsara li dejjem iddefendejna – fl-okkażjoni tal-Indipendenza meta tinħass aktar il-ħtieġa għall-għaqda u għall-ħbiberija bejn is-sezzjonijiet kollha tal-maħbub poplu tagħna u sabiex insaħħu l-istedina għall-paċi vera u sinċiera li diġà għamilna fl-ittra Pastorali tal-Indipendenza, aħna llum nagħmlu pass ieħor u naħfru l-piena tal-interdett lil dawk il-membri ta’ l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Malta Labour Party li kienu approvaw l-Statement of Policy tas-17 ta’ Marzu tas-sena 1961, għalkemm miegħu nibqgħu dejjem ma nistgħux naqblu u anqas ma nistgħu b’ebda mod napprovawh, f’dak li hu kuntrarju għall-prinċipji Nara. Nittamaw u nitolbu li dan il-ġest ta’ rieda tajba jsir il-korripondenza minnha mixtieqa”.

“Sadanittant il-kundanna fuq il-gazzetti Laburisti għadha ma tneħħietx u għad mhux magħruf x’se jsir.

Lanqas ma tneħħa l-interdett fuq Lorry Sant li kien ingħata l-interdett fid-9 ta’ April tas-sena 1960 fuq kummenti li hu kien għamel f’The Struggle dwar il-Pastorali tar-Randan. ‘The Struggle’ kienet l-organu tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti u Lorry Sant kien l-editur tagħha.”

Il-Perit Mintoff, meta kien tkellem dwar l-Interdett f’mass meeting kien qal li “aħna ħdimna u għadna naħdmu fl-interess tal-ħaddiema, l-istess kif għallimna Sidna Ġesù Kristu. Aħna npoġġu dan it-tagħlim fil-prattika. Spiċċajna akkużati għax konna kuraġġużi biżżejjed li niddikjaraw li aħna kontra l-Ingliżi f’din il-ġlieda għall-Indipendenza. Aħna se nkomplu niġġieldu għal pajjiżna, imma ngħidulhom “tikkolaborawx mal-Gvern Ingliż”. Imbagħad inkunu nistgħu ningħaqdu bħall-aħwa, għax aħna xorta għadna aħwa. F’din it-taqbida mbierka u ġusta għal-libertà, Alla huwa magħna.”

Kien fl-1961, li l-Knisja Kattolika Maltija ddikjarat sanzjonijiet reliġjużi kontra Mintoff u l-memnbri Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit, kif ukoll kontra partitarji attivi tal-Partit Laburista. Bejn l-1961 u l-1963, mietu seba’ attivisti Laburisti, fosthom il-kittieb prolifiku u l-eks-Ministru Ġużè Ellul Mercer, li kollha ġew midfunin fil-“miżbla”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport