Tuesday, December 24, 2024

60 SENA WARA

Aqra wkoll

Dis-sena taħbat is-sittin sena minn wara l-Indipendenza. Tħobbu jew tmaqdru, dan l-avveniment kien tassew bidla fondamentali u storika fit-tmexxija politika tal-pajjiż – bidla li kellha taffettwa, kif għamlet, l-iżvilupp tas-soċjetà kollha. F’sens politiku ovvjament, imma bl-istess mod f’sens ekonomiku, soċjali u kulturali.

Mhuwiex biss xieraq li nirriflettu fuq dawn l-effetti. Hi ħaġa neċessarja. Anke waqt li nikkustinjaw dwar xinhu jiġri madwarna llum, biex nifhmu tassew fejn ninsabu, ikun jaqbel li nsiru nafu minn fejn tlaqna. X’kienu l-isfidi li ta’ qabilna ffaċċjaw? Spiċċaw l-ewwel ġenerazzjoni li b’rajhom f’idejhom, jew kważi, kellhom jieħdu deċiżjonijiet dwar il-futur tal-gżejjer Maltin li għal sekli qabel, ittieħdu għalina minn ħaddieħor.

Kemm kien se jkollhom suċċess f’hekk aktar minn dal-“ħaddieħor”? X’kellha tkun id-differenza bejn li sar qabel l-Indipendenza u wara? Jaqbel li r-riflessjoni dwar hekk issir b’mod kemm jista’ jkun oġġettiv, ħieles minn kull lenti partiġġjana. Għadda żmien biżżejjed issa biex din il-ħaġa titwettaq.

KONTRA L-KAROZZI FIĊ-ĊENTRU?

Kont naħseb li l-Partit Nazzjonalista kien favur li ċ-ċentri tal-bliet u l-irħula tagħna “jingħataw lura” liċ-ċittadini billi ma jibqax jitħalla jgħaddi traffiku minnhom. Wara kollox kien l-eks-ministru Nazzjonalista Austin Gatt li daħħal il-kunċett fil-Belt minkejja li l-proposta tiegħu ntlaqgħet b’ħafna xettiċiżmu. Fuq dil-politika talanqas kellu raġun, anke jekk biha sal-lum xorta ċ-ċittadini spiċċaw minn taħt. Minflok il-pjaga tat-traffiku qed jiġu soġġetti għall-abbuż tan-negozjanti.

Imma jekk fhimt tajjeb, il-Kap tal-Oppożizzjoni issa ħareġ kontra t-tneħħija tat-traffiku miċ-ċentru tal-Mosta, f’abbandun totali tal-politika li qabel kienet it-tarbija tal-partit tiegħu. Qed jintqal li għamel dan minħabba l-protesti tan-negozjanti. Ċerti affarijiet li jiġru f’dal-pajjiż ftit jinftehmu.

ONE VERSUS NET

Se nitkellem mil-lat partiġġjan. Hemm żgur ħaġa li qed iddejjaqni bil-kbir fil-Partit Laburista. Din hi li l-istazzjon tar-radjo u t-televixin tal-Partit, il-ONE illum – qabel is-Super One – m’għadux super, imqabbel ma’ stazzjonijiet oħra. Għal snin twal kien it-tieni fl-iskala tat-televixin, wara x-xandir nazzjonali, bin-NET f’tielet post imbiegħed. Issa n-NET ħadlu dil-pożizzjoni, ukoll fl-aħbarijiet.

Dis-sitwazzjoni tinkwetani b’mod personali. Il-ONE twaqqaf biex ma jħallix l-aħbarijiet u l-ħidma radjo-televiżiva nazzjonali jkunu dominati mix-xandir nazzjonali – ħaġa li dejjem ħadmet a skapitu tal-PL. F’hekk, il-ONE irnexxa qatigħ. Veru li llum ix-xandir nazzjonali suppost qed ixaqleb lejn il-gvern tal-ġurnata għalkemm niddubita kemm dan qed ikun ta’ wisq siwi.

Jekk ma jkunx frisk u interessanti biżżejjed il-ONE se jkompli jitlef l-udjenza u jispiċċa mazzra mhux rokitt. Jeħtieġ li d-deputat kap ġdid tal-Partit Laburista , hu/hi min hu/hi, jqis dan l-għan bħala priorità.

Ekonomija

Sport