F’attività mtella’ f’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, NatureTrust u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, madwar 60 tifel u tifla Għawdxin kellhom l-opportunità jżuru l-bejta tal-fkieren fir-Ramla l-Ħamra u jitgħallmu dwar il-ħajja marittima.
L-attività edukattiva, mtella’ bħala parti mill-kampanja Saving Our Blue, laqgħet mas-60 student minn SkolaSajf u l-Girl Guides li setgħu jaraw mill-qrib il-ħidma tal-voluntiera biex din il-bejta tkun protetta, biċ-ċans li jitwieldu aktar fkieren. It-tfal tgħallmu dwar il-ħidma tal-Wildlife Rescue Team, dwar il-bajjiet li għandhom il-Blue Flag u dwar il-ħsara li jagħmel skart bħall-micro-plastics.
Permezz tal-karattri ‘Maggie l-fekruna’ u ‘Stephen is-seagull’, ġie spjegat il-ħsara li ssir fuq il-ħajja marittima meta l-iskart jintrema b’mod irresponsabbli u illegali. It-tfal ġew mistiedna jaqsmu l-ideat tagħhom dwar prattiċi u soluzzjonijiet sostenibbli, b’eżempji ta’ x’wieħed jista’ jagħmel biex jikkontribwixxi favur l-ambjent.
Permezz tal-GLOBE Observer App, li tintuża biex wieħed jirrapporta l-kundizzjonijiet tal-isħab, it-tfal tgħallmu wkoll dwar kif jifforma s-sħab u x’qed ikun l-impatt tat-tibdil fil-klima.
“L-edukazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali ta’ dak kollu li nagħmlu ma tista’ tieqaf qatt. L-aqwa edukazzjoni tingħata fl-ambjent naturali tagħna fejn it-tfal jista’ jkollhom esperjenza diretta ta’ dak li nkunu qed nitkellmu dwaru. Se nkomplu naħdmu biex noffru aktar esperjenzi ta’ dan it-tip lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-kampanja Saving Our Blue se tibqa’ għaddejja sas-17 ta’ Settembru f’ World Cleanup Day. Kull min hu interessat li jipparteċipa f’din il-kampanja huwa mħeġġeġ li jagħmel kuntatt fuq il-paġni soċjali ta’ Facebook jew Instagram. Għal aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi, żuru s-sit www.savingourblue.gov.mt .