Saturday, December 21, 2024

60% tal-proposti fil-Budget 2025 imnebbħa minn dak imwiegħed fil-manifest elettorali

- il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dan il-Budget fih 230 miżura. 136 miżura huma maħsuba biex iwettqu proposti tal-manifest Malta Flimkien. Fil-fatt, 100 proposta minn dawn il-136 jindirizzaw il-proposti tal-manifest fl-intier tagħhom filwaqt li 36 jindirizzaw proposti tal-manifest parzjalment. Dan il-budget huwa parti mit-twettiq tal-manifest elettorali.”

Ħabbar dan il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi fil-Parlament fejn kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Budget 2025 għal dan il-Ministeru.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi beda biex qal li dan huwa budget li mhux biss qed imexxi ‘l quddiem l-aġenda tal-Gvern lejn pajjiż ta’ kwalità imma wkoll huwa budget li bil-fatti qiegħed iwettaq dak imwiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Huwa semma kif fid-diskors tal-Budget jingħad li l-Gvern se jkun qiegħed iħares lejn it-tisħiħ tal-Awtorità tal-Artijiet. “Id-diskors tal-budget isemmi l-aspetti marbuta anke ma’ tisħiħ u tiġdid leġiżlattiv. L-Awtorità hija bbażata fuq liġi li minnha din titwieled bir-responsabbiltajiet, is-setgħat, it-tqassim u l-istrutturi tagħha li f’dawn l-aħħar snin rajna kif dik il-liġi li dan il-parlament numru ta’ snin ilu poġġa fis-seħħ illum nistgħu naraw ir-riżultati li tatna issa.”

“Din l-Awtorità għamlet passi ta’ ġgant ‘il quddiem fid-direzzjoni t-tajba. Fadal aktar xi jsir. Hemm bżonn li nindirizzaw aspetti li wħud minnhom isibu l-oriġini tagħhom fil-mod kif irridu naġġornaw il-liġi li twelled din l-Awtorità. Kieku kelli nagħmel għan li nara li rridu nkomplu ninvestu aktar f’din l-awtorità huma żewġ aspetti: l-effikaċja u l-effiċjenza fil-proċessi,” kompla jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Huwa rrikonoxxa wkoll li l-Awtorità llum qiegħda tħaddem proċessi li wħud minnhom huma ferm aktar effiċjenti madanakollu għadha ġġorr proċessi li ġejjin anke mir-regoli tal-imgħoddi li qed iżommuha lura milli tagħti serviżz effiċjenti kfi wieħed tixtieq.

“Qed inħarsu lejn il-kawża tal-problema u r-realtà u naraw kif inbiddlu u naġġornaw għaliex l-Awtorità jrid ikollha l-ħila, ir-responsabbiltà u l-kwalità kif timxi sabiex ikollna l-aħjar amministrazzjoni tal-propjetà pubblika imma mbagħad hemm aspett ieħor li tkun Awtorità aktar ‘consumer oriented’”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi. “Nemmen li hemm dan id-dover illi l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif wieħed jista’ jikseb servizz aħjar mingħand l-Awtorità, irid jiżdied.”

Huwa tenna jgħid li waħda mill-affarijiet li l-Awtorità qiegħda tagħmel u se tkompli tagħmel fiż-żmien li ġej huwa li mhux biss tara liema skemi se tkun qiegħda tħabbar imma li tassigura li kemm jista’ jkun kull skema li titħabbar ikun hemm is-sostenn amminsitrattiv u professjonali biex ġaladarba persuna tapplika jkun hemm il-proċess ippreparat biex jaħdem sabiex l-effikaċja u l-effiċjenza fil-proċessi titjieb.

“Bżonn li skemi bħal dawn ikunu aktar orjentati lejn il-konsumatur” – Katya De Giovanni

Id-Deputata Laburista Katya De Giovanni saħqet li dan il-qasam kien tassew jixraq li jkollu Ministeru ddedikat għalih. “Għalhekk kien għaqli mill-Prim Ministru li f’Jannar li għadda jagħti din l-importanza xierqa lil dan il-qasam u jagħmel Ministeru apposta.”

L-Onor. De Giovanni qalet li fid-diskors tal-budget wieħed jinnota l-għanijiet li tfasslu għas-sena d-dieħla f’dan il-qasam. Fil-budget jissemma li huwa maħsub li jkun hemm twessigħ tal-iskemi preżenti biex ċnus marbuta ma’ postijiet li jintużaw għal skop residenzjali jkunu jistgħu jinfdew. “Din hija xi ħaġa tajba li l-Gvern ikompli jagħti l-faċilità biex nies li jifdu ċ-ċens ta’ darhom ikunu jistgħu jagħmlu dan,” qalet l-Onor. De Giovanni.

Dwar dan hija għamlet osservazzjoni illi hemm bżonn li dawn l-iskemi meta jinħarġu jkunu mfissra sewwa biex in-nies ikunu infurmati dwar x’għandhom jagħmlu u kif se jkunu qed jitħaddmu. “Huwa importanti li n-nies ikunu jafu minn qabel kemm se jiswa dak li se jkunu qed jidħlu għalih.”

L-Onor. De Giovanni appellat biex skemi bħal dawn ikunu aktar orjentati lejn il-konsumatur u li tassew jindirizzaw il-bżonnijiet tan-nies. Qalet li dan qed tgħidu għax tifhem il-kumplessità li jkun hemm meta jinħarġu skemi bħal dawn imma “l-Awtorità tal-Artijiet trid tqis aktar kif in-nies se jiġu milquta.”

Hija appellat ukoll lit-tmexxija tal-awtorità biex tieħu l-passi meħtieġa biex każijiet li hemm pendenti dwar fidi ta’ ċens jiġu riżolti mill-aktar fis possibbli. “Niltaqa’ ma’ diversi każijiet ta’ nies li jkunu ilhom li daħħlu karti biex jinfeda ċ-ċens u għal ħafna raġunijiet – ħafna drabi tekniċi jew kwistjonijiet li jinqalgħu waqt il-proċess – dan il-proċess ta’ fidi jdum ħafna.

“Nappella lill-Ministru, li naf l-impenn kbir li qed jaħdem fih f’dan il-qasam, biex din jagħtiha l-importanza xierqa ħalli dawn il-proċessi jiġu indirizzati malajr kem jista’ jkun, in-nies ma jibqgħux jistennew u fuq kollox l-Gvern jiġbor dak li għandu jiġbor rigwrad il-ħlas tal-fidi taċ-ċens,” temmet tgħid l-Onor. De Giovanni.

“L-Awtorità tal-Artijiet għandha bżonn riforma mill-qiegħ” – Stanley Zammit

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar Stanley Zammit sostna li bil-ħatra ta’ Ministru ddedikat għall-artijiet kienu jippretendu li tingħata aktar attenzjoni u jiġu assenjati aktar riżorsi f’dan il-qasam.

L-Onor. Zammit sostna li huwa tajjeb li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi l-ħtieġa għal tiġdid fil-mod kif jiġu rreġistrati t-titoli. “Nittamaw li l-Ministru jindika xi ħsibijiet hemm f’dan ir-rigward għaliex nafu li din hija biċċa wġigħ ta’ ras għal kull min ikollu jiffaċċjaha.”

Huwa tkellem ukoll dwar l-Awtorità tal-Artijiet u stqarr li din l-awtorità mhux tisħiħ għandha bżonn iżda riforma mill-qiegħ. Fakkar li din l-awtorità ġiet stabbilita fl-2016 u kellha u għad għandha l-għan ewlieni li tmexxi u tieħu ħsieb l-artijiet tal-gvern fl-interess pubbliku. “Wara tmien snin din l-awtorità għandha bżonn overhaul,” tenna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar.

Ekonomija

Sport